Coronavirus Lokali

Il-Maltapost tappella biex kulħadd iżomm mal-pariri tal-awtoritajiet

Fi stqarrija maħruġa fl-aħħar ħin, il-kumpanija Maltapost qalet li hija qed issegwi mill-qrib kif qed tevolvi s-sitwazzjoni tal-Covid-19 f’pajjiżna u sostniet li qed taħdem id f’id mal-awtoritajiet relevanti,

Maltapost qalet li l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) qed tgħid li r-riskju ta’ infezzjoni minn prodotti kummerċjali huwa baxx u r-riskju li persuna jieħu l-virus minn pakkett li vvjaġġa u li ġie espost għal kundizzjonijiet u temperaturi differenti huwa minimu.

Madankollu l-kumpanija tieħu s-saħħa u s-sigurtà tal-impjegati kif ukoll tal-klijenti tagħha serjament sabiex ikun evitat it-tixrid tal-virus, kif mitlub ukoll mill-Awtoritajiet Nazzjonali tas-Saħħa.

Maltapost għaldaqstant tfakkar lill-klijenti tagħha, speċjalment dawk li jinsabu ma jifilħux, sabiex jirrispettaw il-kwarantina madatorja fi djarhom u sabiex jikkoperaw mal-pustiera. Klijenti għandhom iżommu wkoll mad-distanza minima ta’ metru meta jkunu qed jiġu servuti.

Barra minn hekk, sabiex ikunu mħarsa kemm l-impjegati kif ukoll il-klijenti, dawn tal-aħħar mhux se jkunu mitlluba li jiffirmaw għall-posta bħal ma soltu jsir. Minflok, l-impjegat ta’ Maltapost se jirreġistra l-isem u n-numru tal-karta tal-identita tal-persun li tkun aċċettat l-oġġett postali.

F’każ fejn pakkett ma jkunx jidħol fil-kaxxa tal-ittri, dan jitpoġġa qrib il-bieb tal-klijent u tindaqq il-qanpiena, bil-pustier jersaq lura għal distanza sigura sakemm il-klijent jiftaħ il-bieb biex jiġbor il-pakkett.

Jekk klijent ma jkunx jista jiġi ħdejn il-bieb, tinħareġ nota li tavżah b’metodi aternattivi biex jinġabar il-pakkett postali.

Filwaqt li tħabbar li s-servizz postali lejn iċ-Ċina issa ġie lura għan-normal, Maltapost qalet li qed isiru arranġamenti alternattivi għall-posta minn u lejn l-Italja, l-Iżivizzera, il-Ġermanja, Franza u Spanja.