Lokali Qorti

Il-Qorti tal-Appell tordna lill-Ministeru t’Għawdex biex jerġa’ jevalwa offertà fuq ‘open skips’

Il-Qorti tal-Appell ordnat sabiex terġa’ tiġi evalwata offertà fuq ‘open skips’ f’diversi siti f’Għawdex li ntrebħet minn indivdwu.  Hija ordnat lill-Ministeru ta’ Għawdex biex jerġa’ joħroġ is-sejħa għall-offerta permezz ta’ tender ġdid u biex l-ispeċifikazzjonijiet ikunu aktar ċari.

Din id-deċiżjoni ngħatat wara appell li sar mill-kumpanija Sultech & Co li ħasset li saret inġustizzja fil-konfront tagħha meta hija ġiet eskluża mingħajr raġuni valida u li min rebaħ l-offertà mhuwiex attrezzat li jagħmel dan ix-xogħol, tant li qed jiddependi fuq ħaddieħor.

Il-Qorti fid-deċiżjoni tagħha ordnat li l-proċess tal-għażla għandu jsir mill-ġdid wara li l-kumitat tal-għażla għandu jitlob u jingħata t-tagħrif meħtieġ.  Il-Qorti preseduta mill-Prim Imħallef Joseph Azzopardi u l-Imħallfin Giannino Caruana Demajo u Anthony Ellul kienet qed tiddeċiedi fl-appell li sar kontra il-Ministeru għal Għawdex, id-Direttorat għall-Iżvilupp Reġjonali Eko Għawdex u Anthony Mercieca, b’dan tal-aħħar ikun il-persuna li ngħata il-kuntratt.

Is-sejħa kienet saret għall-offerti għal “proviżjoni, manutenzjoni u l-ġbir regolari ta’ open skips f’diversi siti fil-gżira Għawdxija.” Fost il-kondizzjonijet tas-sejħa kien hemm kriterju li biex wieħed jingħata l-kuntratt huwa dak li jissotometti l-irħas offertà u li jissodisfa t-teknika amministrattiva.

Fost dawk li tefgħu offerta kien hemm l-appellant Sultech & Co u Mercieca. B’ittra tat-2 ta’ Awissu 2019, il-Ministeru kien għarraf lil Sultech & Co li sejra tintlaqa’ l-offerta ta’ Mercieca billi kienet l-aktar waħda vantaġġjuża għalih u wkoll illi kienet tilħaq il-kriterji amministrativi u tekniċi.

B’ittra tad-9 ta’ Awwissu 2019 Sultech & Co ressqet oġġezzjoni kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Bord ta’ Reviżjoni b’talba illi tinqaleb id-deċiżjoni tal-Ministeru, xi ħaġa li ma ġratx, fejn id-deċiżjoni kienet ingħatat fis-7 ta’ Novembru 2019, u li minnha sar dan l-appell.

Kienu d-diversi fattturi li sar l-appell, fosthom li min ħa x-xogħol mhux attrezzat minħabba li se jkollu jinqeda b’apparat ta’ ħaddieħor.  Il-kumpanija Sultech & Co v qalet li meta operatur ekonomiku jkun irid jiddependi fuq il-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħra, dan għandu jagħti prova lill-awtorità li għamlet it-talba li huwa se jkollu r-riżorsi meħtieġa għad-dispożizzjoni tiegħu, per eżempju, billi jippreżenta impenn minn dawk l-entitajiet għal dan il-għan.

Il-Bord ta’ Reviżjoni kien osserva illi l-fatt li Mercieca sejjer jinqeda bil-vettura ta’ ibnu ma joħloq ebda irregolarità. Qal li fl-ebda mument it-tender kien jgħid li xi ħadd ma jistax jagħmel ‘sub-contracting’ jekk hu jirbaħ l-offertà. Il-fatt li per eżempju li l-karozza li se tintuża għal dan ix-xogħol għandha l-permessi u l-liċenzji kollha neċċessarji, allura m’għandux ikun hemm problemi.

Il-kumpanija Sultech & Co qalet li ma jistax ikun ukoll li r-rebbieħ tat-tender għandu biss trakk wieħed għad-dispożizzjoni tiegħu. Il-kumpanija qalet li l-proċess kif sar ma jiswiex u jqajjem dubju fi rigward tal-mod u l-manjiera ta’ kif kien amministrat dan il-process, u li l-uniku mod li jista’ jiġi sanzjonanti huwa li tiġi kkanċellata din is-sejħa għall-offerti.

Il-Qorti fid-deċiżjoni tagħha qalet li fl-applikazzjoni għal għoti tat-tender kien ingħad li l-kuntrattur għandu jkun fil-pusses ta’ għodda tas-sengħa u polza tas-sigurtà indemika li tkopri mhux anqas minn €50,000 kull okkorenza.

Il-Qorti tal-Appell qalet iżda, li ma tistax taqbel mal-konklużjoni tal-kumitat tal-għażla tal-Bord ta’ Reviżjoni. Huwa minnu li konsiderazzjonijiet ta’ proporzjonalità jistgħu jwassluk biex taħseb li meta missier u iben jaħdmu flimkien dak li hu ta’ wieħed sejjer ikun jista’ jinqeda bih l-ieħor ukoll; madankollu, dan mhux dejjem u bilfors huwa l-każ.

Ma ntweriet ebda rabta kuntrattwali bejn il-missier u l-iben, jew li l-iben huwa marbut legalment li jagħti s-servizz lill-missier. Jekk l-iben huwa operatur ekonomiku ndipendenti ma hemm xejn li jżommu, jekk isib opportunità aħjar, li jinqeda bir-riżorsi tiegħu għal xogħol ieħor u mhux dak ta’ missieru.

Il-Qorti qalet li ma jidhirx illi ġiet indirizzata sew il-ħtieġa għal “contingency arrangements” u jekk hemmx arranġamenti għall-eventwalitajiet imsemmija. Dan kollu huwa biżżejjed biex titħassar id-deċiżjoni li l-kuntratt jingħata lil Mercieca, iżda dan ma jfissirx li l-offerta ta’ Mercieca għandha titwarrab bla ma titqies mill-ġdid, flimkien mal-offerti validi l-oħra,

Fiċ-ċirkostanzi l-kumitat tal-għażla kellu d-dmir jitlob tagħrif li jinsab nieqes. Għal dawn ir-raġunijiet il-Qorti ħassret id-deċiżjoni tal-kumitat tal-għażla illi l-kuntratt jingħata lil Mercieca.