Coronavirus Ekonomija Lokali

AĠĠORNATA: Il-Gvern se jagħti €350 għal-leave tal-kwarantina, iżda ebda roħs fil-kontijiet tad-dawl u l-prezz tal-fuels

"Is-sitwazzjoni taħt kontroll" - Robert Abela

F’konferenza tal-aħbarijiet f’Kastilja, il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-Gvern qed jippreżenta pakkett ta’ miżuri li skont hu jammonta għal €1.8 biljun. Nofs dan il-fond se jmur kollu għal garanziji bankarji, u mhux flus diretti lin-negozji.

€700 miljun oħra se jkunu posponimenti ta’ ħlas ta’ taxxi, u allura anke hawn qed nitkellmu fuq flus li mhux se jmorru direttament fil-bwiet tal-ħaddiema; kuntrarju għall-impressjoni li prova jagħti Robert Abela fil-konferenza tal-aħbarijiet. Dawn it-taxxi iridu jitħallsu b’mod retroattiv (aktar tard).

Meta indirizza l-media, Robert Abela ma semma’ xejn dwar il-possibiltà li jorħsu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma. Anzi, meta mistoqsi minn NET NEWS Abela farfar ir-risposta fuq Silvio Schembri li kien ħdejh. Schembri qal biss li “l-industrija dejjem titlob aktar”, mingħajr ma wera l-iċken impenn li l-Gvern jibda jraħħas il-kontijiet tad-dawl.

Il-Prim Ministru beda l-konferenza tal-aħbarijiet billi tkellem dwar il-leave tal-kwarantina, u qal li minħabba dan il-piż se jkun qed jagħti €350 lil kull impjegat biex jitħallas dan il-leave. Din kienet l-uniku figura fi flus li semma’ Abela – miżuri li l-Kap tal-PN Adrian Delia f’kumment fuq Twitter iddeskrivihom bħala budget minimu li ħareġ mill-kaxxa ta’ Malta.

Robert Abela qal li jrid jipproteġi lin-negozji u lill-ħaddiema, mingħajr ebda distinzjoni. Insista li dan hu “pakkett ġeneruż” iżda fl-ebda ħin ma qal kemm il-pajjiż se jkun qed idaħħal fondi mill-UE bħala parti minn dan il-pakkett.

Hu sostna li dawn huma miżuri costed u li ddeskrivihom bħala sostenibbli.

Intant, il-Prim Ministru insista li mhux se jħabbar lockdown. Qal li se jagħmel minn kollox biex f’din il-kriżi tal-Coronavirus ma jintilfux impjiegi.

Il-preżentazzjoni tal-Ministru Scicluna

Il-Ministru tal-Finanzi ammetta li dan mhux se jkun l-akbar pakkett finanzjarju li qed jiġu offrut, meta wieħed iqabbel ma’ pajjiżi oħra tal-UE.

Edward Scicluna qal li din se tkun maltempata temporanja.

Il-preżentazzjoni ta’ Silvio Schembri

Il-Ministru Schembri qal li bħalissa hawn mat-12,000 persuna milquta mill-għeluq tal-iskejjel. U allura, il-Gvern se jkun qed iħallas leave addizzjonali għal dawk milquta.

Il-Gvern qed jistma li bejn 20,000 sa 44,000 ħaddiema jistgħu jiġu affetwati minn din il-kriżi – fosthom impjegati fl-industrija tat-turiżmu.