Lokali

In-network tas-soċjetà ċivili jgħid li hemm bżonn ta’ €1biljun biex tiġi salvata l-ekonomija

Is-CSN – in-network tas-soċjetà ċivili ħabbret li hemm il-ħtieġa ta’ €1biljun biex tiġi salvata l-ekonomija Maltija. Hija qed tipproponi dan kollu wara studju li għamlet ukoll dwar l-effetti tal-ekonomija Maltija. Il-proposti, 14 b’kollox, li waslu għal din iċ-ċifra jfissru anqas minn 10% tal-Prodott Gross Domestiku.

B’kuntrast, r-Renju Unit qiegħda tipproponi nefqa ta’ 20% tal-GDP tagħha, filwaqt li pajjiżi oħra bħal Franza qegħdin iwegħdu 10%. Fid-dawl ta’ dan kollu s-CSN qed tisħaq li qiegħda tniedi lista ta’ proposti biex tiġġieled l-effetti drastiċi illi qiegħda tħalli l-pandemija li nħalqet minn COVID-19 fuq l-ekonomija dinjija.

Is-CSN qal li biex nipprevjenu kollass ekonomiku kbir issa, hemm bżonn ta’ intervenzjoni qawwija tal-Gvern, speċjalment f’Malta, li bdiet turi sinjali koroh dan l-aħħar. Gvernijiet barranin qegħdin jagħrfu x’inhi s-sitwazzjoni, u qegħdin joffru madwar 10% tal-prodott gross domestiku (GDP) tagħhom biex jikkombattu s-sintomi ta’ ekonomija batuta minħabba l-effetti tal-COVID-19.  Jekk il-flejjes li qala’ l-Gvern mill-passaporti se jintefqu f’xi ħaġa, għandhom jiġu njettati fl-ekonomija Maltija biex tinżamm il-kunfidenza fis-sistema.

Dawn il-proposti ġew maħluqa bil-ħsieb li kull sfera tas-soċjetà jkollha l-għajnuna meħtieġa biex ma tegħriqx, filwaqt illi kull min jiflaħ jerfa’ biċċa mir-responsabbiltà sabiex nassiguraw l-għixien u s-saħħa nazzjonali għall-futur.

Ingħad li hemm bżonn li jkun hemm inċentivi għal-lukandieri biex joffru akkomodazzjoni irħas għall-ħaddiema tas-saħħa u tas-servizzi tas-sigurtà sakemm ikollhom bżonn joqgħodu ‘l bogħod minn darhom. Nirringrazzjawhom mill-qalb tas-servizz inkredibbli tagħhom.

Il-kontijiet tad-dawl u tal-ilma ma jintbagħatux lid-djar u lill-kummerċi waqt il-perjodu ta’ kwarantina/lockdown, kif qiegħed isir pereżempju fi Franza. It-twaqqif temporanju ta’ permessi tax-xogħol ġodda sabiex tingħata preferenza lil dawk il-ħaddiema ta’ kwalunkwe nazzjonalità illi tilfu xogħolhom minħabba l-virus.

Proposta nteressanti oħra hija li jingħata kumpens għat-tkeċċija lill-impjegati li tilfu xogħolhom minħabba l-virus li jinvolvu somma flus kif ukoll allowance ta’ paga minima tul il-kriżi. Proposta oħra hija self tal-gvern mingħajr interessi garantit għall-intrapriżi għal tul ta’ żmien wara li jispiċċa l-lockdown, dipendenti fuq jekk inżammux l-impjegati kollha tat-tali negozju.

Ħlasijiet tal-assigurazzjoni nazzjonali (NI) għandhom jiġu rrinunzjati waqt il-perjodu ta’ kwarantina/lockdown u moratorju fuq ħlasijiet ta’ ipoteki tul dawn it-tliet xhur. Protezzjoni mill-gvern ta’ salarji mħallsin tul dawn it-tliet xhur, fejn il-Gvern iħallas 75% ta’ kwalunkwe paga bil-kundizzjoni li kumpanija ma tkeċċix impjegati.

Tnaqqis fit-taxxa tad-dħul għal sitt xhur bħala inċentiv ekonomiku u tnaqqis fil-VAT fuq prodotti essenzjali li jinbiegħu fis-supermarkets. Il-faxex tat-taxxa għandhom ikunu rilaxxati għal min jaqla’ inqas minn €30,000 fis-sena għal żmien limitat u pagamenti ttardjati fuq it-taxxa provviżorja u taxxa tad-dħul għal-intrapriżi żgħar u medji (SMEs).

Tnaqqis jew eżenzjoni fit-taxxa għal dawk li jnaqqsu l-kirjiet kummerċjali b’50% u/jew 75% għall-proprjetajiet domestiċi. Filwaqt li għandu jkun hemm Kumitat stabbilit bejn l-aktar entitajiet ekonomiċi, jiġifieri l-Gvern, l-Oppożizzjoni, it-Trade Unions, u impjegati kbar, biex jagħtu parir lill-Parlament Malti rigwart il-kriżi ekonomiku.

Dawn il-proposti qegħdin jitniedu b’kuxjenza għad-Dipressjoni l-Kbira tal-1929 u aktar riċenti, il-kollass ekonomiku tal-2008/2009. Risposti mit-teoriji tradizzjonali ta’ ekonomija Keynesjana, fejn l-ekonomija titħalla ssewwi lilha nnifisha, wrew illi ma jaħdmux f’konfront ta’ kriżijiet ta’ dan id-daqs.