Lokali

Irridu naġixxu bħala poplu wieħed – Francis Zammit Dimech

Poplu wieħed. Nazzjon wieħed.

Fiż-żmien iebes li għaddej minnu bħalissa l-poplu Malti u minħabba fil-COVID-19, bħala ġest ta’ solidarjetà mal-poplu kollu, l-Partit Nazzjonalista qed jagħti direttiva biex fuq il-Dar Ċentrali kif ukoll fuq il-każini kollha tal-istess partit, b’effett minn għada l-Ħamis 19 ta’ Marzu, tittajjar il-bandiera Maltija.

Dan ħabbru s-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Francis Zammit Dimech fejn spjega li din id-direttiva tibqa’ fis-seħħ anke wara għada. Huwa saħaq li aktar minn qatt qabel, irridu verament naġixxu bħala poplu wieħed, bħala nazzjon wieħed.

Francis Zammit Dimech sostna li dan huwa żmien fejn ilkoll irridu mhux biss nieħdu ħsieb tagħna nfusna, imma nieħdu ħsieb ta’ xulxin, b’mod partikolari ta’ min huwa l-aktar vulnerabbli, tal-anzjani tagħna, ta’ min għandu bżonn xi forma ta’ għajnuna jew oħra, tal-familji tagħna, tal-komunità Maltija li aħna kburin li nifformaw parti minna.

Huwa saħaq li l-poplu Malti wera dejjem kif b’mod magħqud jegħleb kull kriżi, b’kuraġġ u b’determinazzjoni. Insista li għalhekk filwaqt li l-Partit Nazzjonalista jibqa’ jagħti u joffri dawk il-proposti konkreti kollha li huma meħtieġa biex ngħinu lis-setturi kollha fis-soċjetà tagħna, speċjalment dawk l-aktar fil-bżonn, ħalli nkunu kapaċi noħorġu aktar b’saħħitna wara li għad jgħaddi wkoll iż-żmien iebes li minnu għaddejjin bħalissa, l-Partit Nazzjonalista jagħmel hekk favur dan il-poplu wieħed u nazzjon wieħed li kburin minnu.