L-effett tal-coronavirus laqat lill-atleti kollha u dawk involuti fl-isport madwar id-dinja. It-tennis bħal xi sport ieħor ma jistax jiġi pprattikat fid-djar tal-atleti u għalhekk dan ikompli jagħmel dan il-mument aktar diffiċli għal ċertu atleti hekk kif ma jistax isir it-taħriġ tekniku.
Dan is-sit tkellem mat-tennista lokali Elaine Genovese li tkellmet dwar id-diffikultajiet li qed issib. Dan minħabba li l-faċilitajiet tal-klabb tagħha jinsabu magħluqa u għalhekk ma jistgħux jagħmlu t-taħriġ fil-court. “L-unika taħriġ li nista’ nagħmel bħalissa hu mid-dar li jikkonsisti f’body workouts biex kemm jista’ jkun inżomm ruħi fit.”
Genovese qablet li t-tournaments lokalment kellhom jiġu sospiżi kif ukoll minħabba li mhux sigur li tivvjaġġa għal tournaments internazzjonali. “Ovvjament kulħadd qiegħed fl-istess sitwazzjoni. Sħabi mill-Italja, Spanja u postijiet oħra, kollha qed jippruvaw jagħmlu li jistgħu mid-dar, għaliex jaqsmu t-taħriġ tagħhom fuq il-media soċjali.”
It-tennista lokali tkellmet li t-tournaments kollha li kellha pjanati ġew sospiżi u ma tafx meta se jintlagħbu. “Inħossni inċerta x’se jiġri u kif ħa nipprepara ruħi,” kompliet Genovese. Hi temmet li għalissa qed tipprova tieħu kollox ġurnata b’ġurnata iżda taħseb li f’dawn iż-żminijiet is-saħħa hi l-ewwel u qabel kollox. Genovese żieded li l-aktar sfida hi mentali li qed jiffaċċjaw hi flimkien mal-familja tagħha minħabba l-ansjetà li jġib miegħu dan il-virus.
Fl-aħħar edizzjoni tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar, Elaine Genovese kisbet midalja tal-bronż fl-individwali u midalja tal-fidda fid-doubles flimkien ma’ Francesca Curmi.
//= $special ?>