Lokali

Jidher li l-kuntrattur tal-Ħamrun involut f’inċident ieħor

Il-kuntrattur li kien qed jaħdem f’sit ta’ bini f’San Ġiljan fejn aktar kmieni illum ikkollassat parti minn triq kellu parti mix-xogħolijiet ta’ skavar suspettati li kellhom x’jaqsmu mat-traġedja li seħħett fi Triq Abela Skolaro fil-Ħamrun fejn tilfet ħajjitha traġikament Miriam Pace fil-bidu ta’ dan ix-xahar.

Ludwig Dimech, minn LK limited, huwa l-kuntrattur wara x-xogħolijiet li qed isiru fi Triq Ivo Muscat Azzopardi f’San Ġiljan – liema xogħolijiet allegatament waslu sabiex parti minn din it-triq residenzjali ċediet, b’ġebel kbir jaqa’ fis-sit ta’ kostruzzjoni, bil-ħaddiema jistgħu faċilment jgħodduha b’waħda.

Ludwig Dimech kien wieħed fost is-sitt persuni li ġew interrogati mill-Pulizija b’rabta mat-tiġrif ta’ dar residenzjali fil-Ħamrun fit-2 ta’ Marzu, kollass li traġikament wassal għall-mewta ta’ Miriam Pace, fl-età ta’ 54 sena – sitt ijiem biss qabel għeluq sninha.

Intant, il-Pulizija u l-esperti mqabbda mill-Qorti għadhom qed jinvestigaw x’wassal għat-tiġrif tad-dar fil-Ħamrun, u issa wkoll għaddejjin bl-investigazzjonijiet dwar il-kollass tat-triq f’San Ġiljan.

Ritratt: Matthew Tabone