Coronavirus Kummerċ Lokali

L-imsieħba soċjali jinsistu għall-għajnuna mill-Gvern; proposti fuq l-istess linji tal-PN

Jinsistu li l-Gvern iħallas nofs il-paga tal-impjegati

Stqarrija konġunta bejn il-Kamra tal-Kummerċ, iċ-Chamber of SMEs, l-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem  u l-Assoċjazzjoni tal-Lukandi u r-ristoranti qed tinsisti li fiċ-ċirkostanzi preżenti, il-Gvern għandu jagħmel tajjeb għal 50% tal-pagi tal-impjegati. Din hija l-istess proposta li għamel il-Partit Nazzjonalista nhar it-Tlieta, bħala miżura sabiex jitnaqqsu kemm jista’ jkun ir-riperkussjonjiet tal-Covid-19 fuq in-negozji Maltin.

L-imsieħba soċjali qed jagħmlu numru ta’ proposti  sabiex ikunu ssalvagwardjati l-imjiegi ta’ eluf ta’ ħaddiema.

L-istqarrija tgħid li 25% oħra tal-paga għandha titħallas minn min iħaddem.

L-Assoċjazzjonijiet talbu wkoll li persuni self-employed għandhom jingħataw 75% tad-dħul bażiku tagħhom mill-Gvern, maħduma skont il-paga medja.

Huma qed jinsistu li l-Gvern għandu jgħin billi jagħti self garantit biex jgħin lin-negozji sabiex iżommu lill-impjegati, u sabiex tkun żgurata l-kontinwità.

L-istqarrija ttemm tgħid li negożji li qed isofru minn 25% jew aktar ta’ telf mid-dħul fil-perjodu ta’ bejn Jannar u Ġunju ta’ din is-sena meta mqabbel mal-istess perjodu għall-2019 għandhom jibbenefikaw minn dawn il-miżuri ta’ għajnuna.