Il-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel, l-MUMN f’ittra miftuħa lill-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne, saħqet li mhuwiex sew li infermiera qed ikollhom kuntatt ma’ pazjenti bi probabbiltà kbira li huma pożittivi għall-Covid-19 mingħajr ma huma qed jingħataw l-ilbies protettiv.
Kawża ta’ dan, meta pazjent jirriżulta li hu pożittiv, u peress li l-infermiera ma jkunux ingħataw l-ilbies protettiv, dawn qed jispiċċaw ikollhom joqgħodu 14-il jum kwarantina, b’ċans li huma wkoll jiżviluppaw il-virus. Sitwazzjoni li qed tkompli żżid l-anzjetà u l-istress fuq il-ħaddiema fl-isptarijiet. Dan kollu minbarra li dawn il-ħaddiema qed ikollhom jiżolaw irwieħhom mill-maħbubin tagħhom, kawża ta’ nuqqas ta’ protezzjoni kif suppost.
Din is-sitwazzjoni qed tippersisti f’Mater Dei, iżda qed tiġri wkoll fi sptarijiet oħra, fosthom f’San Vinċenz de Paule u fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex.
It-tbatija li dan kollu qed joħloq fuq il-ħaddiema tas-saħħa tagħna mhuwiex aċċettabbli, tkompli tgħid l-istqarrija.
L-MUMN issemmi wkoll każi ta’ pazjenti li jkunu qed jiġu ttestjati għall-virus u li r-riżultat tagħhom ikun għadu ma ħariġx, iżda li xorta jiġu mċaqalqa minn Mater Dei għal San Vinċenz.
Il-Union tal-Infermiera qed titlob li jintervjeni immedjatament il-Ministru responsabbli sabiex dawn il-proċeduri ħżiena jitwaqqfu minnufih.
Intant l-MUMN qalet li għada qed tistenna l-coveralls għall-infermiera kollha, iżda issa jidher ċar li lanqas ilbies bażiku bħall-gowns, il-visors protettiv, u l-maskli N95 ma huma disponibbli għall-infermiera.
Huwa kollu ta’ xejn li nittrenjaw lill-infermiera meta l-ilbies protettiv mhux disponibbli fis-swali ta’ Mater Dei. Dan se jirriżulta f’aktar infermiera jispiċċaw fi kwarantina. B’hekk ikompli jonqos in-numru ta’ infermiera mhux biss f’Mater Dei, iżda fl-isptarijiet oħra.
L-MUMN tikkrtika bil-qawwi l-atitudni li qed tittieħed u tgħid li donnu mhux biżżejjed li hemm 100 infermier fi kwarantina. Dawn l-infermiera, tkompli l-istqarrija tal-union, qed ibatu l-konsegwenzi ta’ deċiżjonijiet meħuda mill-Infection Control, li mhux qegħdin fis-swali jduru mal-pazjenti.
L-istqarrija ttemm b’appell biex tittieħed azzjoni immedjata sabiex tissolva din is-sitwazzjoni għaliex l-infermiera ukoll għandhom id-dritt li jkunu protetti minn dan il-virus.
//= $special ?>