Coronavirus Formula 1 Sport

Seba’ membri ta’ McLaren negattivi għall-coronavirus

(Ritratt: EPA)

Seba’ membri ta’ tim ta’ McLaren huma negattivi għall-coronavirus wara li rċevew ir-riżultati ta’ testijiet li sarulhom. Dawn il-membri urew sintomi wara kuntatt mill-qrib ma’ membru fit-tim li nstab pożittiv f’Melbourne fit-12 ta’ Marzu.

McLaren qalu li l-istaff ta’ 16-il persuna se jibqgħu kwarantina għal ġimgħa oħra biex isegwu r-rakkomandazzjonijiet. Mill-persuni iżolati, 14 minnhom kienu f’kuntatt mill-qrib mal-persuna li nstab pożittiv u persuna oħra uriet sintomi. Tliet membri mit-tmexxija fosthom id-direttur Andrea Stella, baqgħu l-Awstralja biex jagħtu s-sostenn tagħhom.

L-istaġun tal-Formula 1 żgur mhux se jibda qabel Mejju u jista’ jkun Ġunju, hekk kif ġew konfermati li tħassru t-tlielaq fl-Awstralja, il-Bahrain, il-Vjetnam u ċ-Ċina filwaqt li jinsabu f’dubju t-tlielaq tal-Olanda, Spanja u Monaco.

Jidher li hemm tentattiv li jibdew l-istaġun bil-Grand Prix tal-Ażerbajġan fis-7 ta’ Ġunju u titneħħa l-waqfa tas-sajf li normalment issir fis-sajf biex tagħmel tajjeb għal uħud mit-tlielaq posposti. Jiddependi wkoll meta l-istaġun se jkun jista’ jibda, b’ċans li l-kampjonat jista’ jintemm fil-bidu tas-sena d-dieħla u l-istaġun tal-2021 jibda aktar tard mis-soltu. Dan jista’ jwassal ukoll biex tiġi posposta b’sena l-introduzzjoni tal-bidla kbira fir-regoli li kienu pjanati għas-sena d-dieħla.

Tags