Il-Formula 1 mexxiet il-waqfa tas-sajf ‘l quddiem wara l-posponiment tal-istaġun minħabba t-tixrid tal-coronavirus. Din id-deċiżjoni tfisser li f’Awwissu se jkun tlielaq li ġew posposti, f’tentattiv biex dan l-isport jirkupra dak li se jkun qed jitlef. L-istaġun tal-Formula 1 żgur mhux se jibda qabel Mejju u jista’ jkun Ġunju, hekk kif ġew konfermati li tħassru t-tlielaq fl-Awstralja, il-Bahrain, il-Vjetnam u ċ-Ċina filwaqt li jinsabu f’dubju t-tlielaq tal-Olanda, Spanja u Monaco.
Jidher li hemm tentattiv li jibdew l-istaġun bil-Grand Prix tal-Ażerbajġan fis-7 ta’ Ġunju u titneħħa l-waqfa tas-sajf li normalment issir fis-sajf biex tagħmel tajjeb għal uħud mit-tlielaq posposti. Jiddependi wkoll meta l-istaġun se jkun jista’ jibda, b’ċans li l-kampjonat jista’ jintemm fil-bidu tas-sena d-dieħla u l-istaġun tal-2021 jibda aktar tard mis-soltu. Dan jista’ jwassal ukoll biex tiġi posposta b’sena l-introduzzjoni tal-bidla kbira fir-regoli li kienu pjanati għas-sena d-dieħla.
//= $special ?>