Coronavirus Internazzjonali

Aħbar tajba għaċ-Ċina

Għall-ewwel darba sa minn meta beda l-COVID-19 f’Wuhan, iċ-Ċina ma rreġistrat l-ebda każ ta’ Coronavirus li nxtered lokalment.

Dan ġara fl-aħħar 24 siegħa meta l-każi rapurtati fiċ-Ċina kienu ta’ 34, kollha ġejjin minn pajjiżi oħra li bħalissa għaddejin minn kriżi kawża ta’ dan il-virus.

L-iktar pajjiżi li jispikkaw fost dawn l-aħħar 34 każ fiċ-Ċina huma l-Iran u l-Italja.

Madanakollu, minkejja din l-aħbar tajba, dan qed ikun meqjuż bħala t-tieni fażi tal-Coronavirus fl-Asja hekk kif il-Korea t’Isfel, iċ-Ċina u Singapor huma fost il-pajjiżi Ażjatiċi li qed jiffaċċjaw it-tieni mewġa, xprunata minn nies li jimportawh minn barra l-pajjiż.

Filwaqr li ċ-Ċina, ma rrappurtat l-ebda każ domestiku ġdid għall-ewwel darba, b’34 każ ġdid fost in-nies li irritornaw fiċ-Ċina, Singapor irrapporta wkoll 47 każ ġdid, li minnhom 33 ġew importati.

Il-Korea t’Isfel rat qabża f’każijiet ġodda fl-aħħar sigħat bl-ammont jitla’ għall-152, għalkemm mhux ċar kemm minnhom ġew importati.

Intant, fl-aħħar ħinijiet tħabbar li New Zealand se tagħlaq il-funtieri. Dan filwaqt li l-Awstralja mhux se tħalli persuni li mhux residenti jidħlu fil-pajjiż.

Fl-aħħar ħinijiet tħabbar li l-Undergroud f’Londra ser ikun qed inaqqas ir-rottot tiegħu f’tentativ biex jonqos il-kuntatt ta’ ħafna nies fl-istess post.