Internazzjonali

Aspett pożittiv fi żmien il-kriżi…Venezja terġa’ tieħu r-ruħ

Filwaqt li d-dinja għaddejja bi ġlieda kollettiva kontra l-pandemija tal-coronavirus qed joħroġ ukoll aspett pożittiv minn din is-sitwazzjoni ta’ kriżi…  Dan meta l-miżuri ta’ emerġenza li qed jittieħdu f’numru ta’ pajjiżi qegħdin jibbenefikaw lill-ambjent flimkien maz-zoni pittoreski magħrufin għall-ġmiel naturali tagħhom….

Fil-fatt, il-belt mitika ta’ Venezja, fl-Italja, bil-mod il-mod qed tieħu n-nifs wara snin sħaħ isservi bħala destinazzjoni turistika u meta laqgħet kontinwament il-mijiet tal-eluf tal-viżitaturi fis-sena.

Issa l-ilma fil-kanali famużi ta’ Venezja qed tiċċara fost it-tnaqqis drastiku tat-turiżmu lejn l-inħawi u bin-natura tieħu ħajja ġdida bil-preżenza taċ-ċinji u anki delfini li kienu ilhom ma jidhru għal żmien….L-ambjent ta’ Venezja anki sar aktar nadif minħabba t-tnaqqis tat-traffiku u l-gondolas minn dawn il-kanali bħala parti mill-miżuri stretti li għaddejjin madwar l-Italja bil-għan li jitrażżnu l-effetti tal-Covid-19.

Venezja tifforma parti mir-reġjun ta’ Veneto fejn il-Gvernatur lokali, Luca Zaia, qed iwissi biex ir-residenti jibqgħu jgħix fi stat ta’ iżolament minħabba t-theddida kbira għas-saħħa b’kaġun tal-pandemija tal-coronavirus.