Coronavirus Kummerċ Lokali

“B’dal-miżuri, r-ristoranti u l-bars mhux se jkampaw aktar minn 3 ġimgħat” – ACE

L-Assoċjazzjoni tal-Istabbilimenti tal-Catering qed jingħaqdu ma’ għadd ta’ assoċjazzjonijiet u unions fil-kritika tal-miżuri li nieda il-Gvern ilbieraħ. Miżuri li kellhom jagħtu nifs lin-negozji li bħalissa jinsabu f’qagħda prekarja minħabba l-kriżi tal-Covid-19.

Fi stqarrija maħruġa b’reazzjoni għal dak li ħabar il-Gvern, l-ACE qalet li b’dawn il-miżuri, ir-ristoranti u l-bars mhux se jwasslu aktar minn 3 ġimgħat oħra.

L-Assocjazzjoni qalet li l-Gvern għandu fuqu r-responsabbiltà tal-ekonomijia tal-pajjiż u kienet tistenna miżuri aħjar minn dawk imħabbra.

Peress li ma nafux kemm se ttul din il-kriżi, jeħtieġ li nżommu għajnejna mifutħin għaċ-ċaqliq fl-ekonomija u għas-sitwazzjoni finanzjarja tan-negozji, tas-self employed u tal-impjegati, qalet l-ACE. Dawn l-istabbiliment diġa jinsabu f’diffikultajiet kbar.

Huwa għalhekk li l-assoċjazzjoni tħoss li jeħtieġ jittieħdu aktar miżuri malajr kemm jista’ jkun sabiex jiġu indirizzati problemi bħall-kirjiet tan-negozji u anke tal-impjegati.

L-ACE qed titlob li b’effett immedjat, il-kontijiet tad-dawl u l-ilma tar-ristoranti u bars jiġu kkalkolati b’rata domestika flok dik kummerċjali u li interessi u penali fuq ħlasijiet tard jkunu mħassra għal kollox.

L-assoċjazzjoni qalet li bil-miżuri mħabbra, r-ristoranti u l-bars forsi jkampaw 3 ġimgħat oħra, iżda jekk il-Gvern ma jagħmilx tajjeb għal tlieta minn kull ħamest ijiem xogħol, ħafna stabbilimenti jkollhom jagħlqu l-bibien tagħhom fi żmien 3 ġimgħat.

Filwaqt li tisħaq li ma tridx tara ħaddiema jitilfu xogħlhom, ir-realtà hija li xi ħaddiema diġa spiċċaw qegħda u li mingħajr għajnuna sostanzjali mil-Gvern, dan il-qasam se jbati konsegwenzi koroh.