Internazzjonali

Coronavirus: L-Ewropa timpenja ruħha biex testendi l-lockdowns…

Il-pajjiżi tal-Ewropa qed jikkunsidraw li jestendu l-proċessi tal-lockdown diġà effettivi bil-għan li jsaħħu l-miżuri biex jevitaw il-firxa tal-coronavirus.

Il-lockdown li kien impost fl-Italja fit-12 ta’ Marzu – fejn l-ammont tal-imwiet mistenni jgħaddi l-imwiet fiċ-Ċina – issa se jestendi ‘il hinn mid-data oriġinali tal-25 ta’ Marzu.

Franza qalet li l-lockdown ta’ ħmistax-il jum jista’ ukoll ikun estiż, meta l-Mexxejja tal-Ewropa mhumiex lesti biex jiffissaw deadline għat-tmiem tal-miżuri tal-emerġenza f’dan iż-żmien ta’ kriżi.

S’issa hemm 207,000 każi mill-coronavirus (Covid-19) b’aktar minn 8,600 mewta fuq bażi globali.

Il-Bank Ċentrali Ewropew (ECB) nieda pakkett ta’ emerġenza ekwivalenti għal 750,000 biljun ewro biex inaqqas l-impatt tal-pandemija — bil-Kap tal-Bank, Christine Lagarde, issostni li ‘mhemm l-ebda limiti’ għall-impenji ta’ din l-entità favur l-ewro. Dan waqt li s-swieq tal-Ewropa dehru stabbli mal-ftuh u fejn laħqu sitwazzjoni ftit jew wisq ‘pożittiva’ fiċ-ċirkustanzi.

L-Unjoni Ewropea introduċiet il-kontrolli stretti mal-fruntiera, b’kulmin jivvjaġġa għal hemm minn barra l-Unjoni mhux qed jitħalla juża l-ajruporti jew jaqsam mill-fruntieri tas-27 pajjiżi membri, bis-saħħa ta’ projbizzjoni (effettiva għal 30 jum) biex twaqqaf il-firxa tal-Covid-19.

Fi żvilupp ieħor, in-negozjatur ewlieni tal-UE għal Brexit, Michel Barnier, qal li ttestja pożittiv għall-coronavirus u, f’messaġġ fuq Twitter, sostna li ‘jinsab tajjeb u ottimist dwar il-ġejjieni’. Mhux ċar kif il-pandemija se taffettwa t-taħditiet dwar Brexit, bl-aħħar rawnd ta’ djalogu jispiċċa pospost u bil-Gvern Britanniku jsostni li qed iħares lejn metodi differenti biex ikompli bid-diskussjonijiet.

Filwaqt li l-Italja għalqet il-parti kbira tan-negozji u projbiet il-laqgħat għall-pubbliku fuq bażi nazzjonali, il-Prim Ministru Taljan, Giuseppe Conte, qal li l-miżuri li ttieħdu s’issa jridu jkunu estiżi ‘il hinn mid-deadline oriġinali.

Hu intant wissa li l-poplu Taljan mhux se jkun jista’ jirritorna immedjatament għall-ħajja bħalma kienet qabel, anki ladarba jispiċċaw il-miżuri għall-emerġenza.

Rapport dwar l-imwiet mill-coronavirus fl-Italja li ħejja l-Istituto Superiore di Sanita sab li tliet reġjuni, kollha fin-naħa ta’ fuq tal-pajjiż, intlaqtu l-agħar mill-pandemija – bil-Lombardija tirreġistra 71 fil-mija tal-imwiet, b’Emilia-Romagna 17 u b’Veneto 3.9 fil-mija.

Studji oħrajn jirreferu għall-ammont kbir ta’ anzjani fir-reġjuni Taljani partikulari u li qegħdin jgħixu magħhom proporzjon qawwi ta’ persuni b’etajiet li jvarjaw bejn 18 u 34 sena. Intant, id-demografiċi differenti f’pajjiżi oġrajn jistgħu jżommu ċ-ċifri tal-mewt mill-coronavirus aktar baxxi minn dawk irrappurtati fl-Italja.

Franza ilha għaddejja bil-lockdown mit-Tlieta u l-Ministru Franċiż għall-Intern, Christophe Castaner, sostna li l-perjodu ta’ ħmistax-il jum jista’ ikun estiż f’każ li neċessarju. L-awtoritajiet Franċiżi waħħlu aktar minn 4,000 multi kbar lin-nies li kisru r-regoli tal-kwarantina u oħrajn għall-ħarsien tas-saħħa pubblika u Castaner fissirhom bħala ‘persuni imbeċilli li qed jipperikolaw ħajjithom u ħajjet ħaddieħor’.

Spanja ħabbret li l-imwiet mill-coronavirus żdiedu b’169 għal 767 fi żmien 24 siegħa li jfisser żieda ta’ 28 fil-mija – bin-numru ta’ persuni infettati jitilgħu bi 3,431 għal 17,147. Dan meta l-pajjiż ukoll jinsab taħt lockdown ‘nazzjonali’.

Intant, il-Ġermanja rappurtat li n-numru tal-każi tal-coronavirus f’artha żdiedu għal 10,999. L-ammont tal-imwiet f’dan il-pajjiż għadu wieħed baxx, iżda fl-aħħar sigħat żdied għal 20. Il-Ġermanja għalqet l-iskejjel u diversi postijiet pubbliċi għalkemm ma imponietx l-aktar miżuri stretti fiċ-ċirkustanzi – madankollu, il-Kanċillier Ġermaniż, Angela Merkel, ma eskludietx miżuri ġodda għall-ġejjieni.

Ir-Renju Unit, filwaqt li ma ħabbarx il-miżuri drastiċi f’din il-kriżi, ikkonferma li l-iskejjel se jingħalqu u meta ma ngħatatx data għal meta jistgħu jerġgħu jiftħu.

Il-kapitali Londra hi l-agħar zona tal-Ingilterra li ġarrbet l-impatt tal-coronavirus u fejn qegħdin jonqsu s-servizzi tat-trasport.

Intant, ir-Russja, fl-aħħar sigħat, irrappurtat l-ewwel mewta mill-coronavirus minn fost ‘147 każ ta’ infezzjoni’. Dan il-pajjiż, bħalissa, mhux qed idaħħal il-barranin f’artu.

Fi żviluppi oħra:

L-Awstrija imponiet stat ta’ lockdown għall-provinċja ta’ Tyrol ( li saret hotspot tal-coronavirus) sal-5 ta’ April u fejn jistgħu jidħlu biss ir-residenti tal-belt, flimkien ma’ ħaddiema speċifiċi. Hu anki permess it-trasport tal-provvisti lejn din il-belt.

Is-Slovenja, minn għada, se tipprojbixxi li n-nies jissoċjalizzaw ma’ xulxin fil-postijiet pubbliċi.

Il-Portugall iddikjara stat ta’ emerġenza madwar il-pajjiż li se jkun effettiv għal ħmistax-il jum u bil-Prim Ministru Portugiż, Antonio Costa, iwissi li l-miżura kapaċi tkun estiża filwaqt li ddum ‘diversi xhur’.

Ir-Re Felipe ta’ Spanja għamel diskors lin-nazzjon fejn sostna li ‘il-virus mhux se jegħleb lill-poplu li jrid joħroġ aktar b’saħħtu mill-kriżi’. Dan meta għaddejja investigazzjoni dwar it-tmexxija ta’ dar għall-anzjani lokali, fejn seħħew 19-il mewta mill-coronavirus.

In-Norveġja wkoll qed tieħu l-miżuri uniċi, bil-Parlament f’Oslo jaqbel dwar pakkett ta’ miżuri ta’ emerġenza li jkopru x-xogħol u l-kura tas-saħħa.