Ekonomija Lokali

€89.2 miljun profitt għall-BOV

Minkejja li fl-aħħar sena, nefaq kważi €30 miljuni fuq eżerċizzju ta’ derisking u f’tibdil meħtieġ sabiex iżomm mal-linji gwida neċessarji, il-Bank of Valletta rreġistra qligh ta’ ftit inqas minn 90 miljun Ewro qabel it-taxxa.

Il-Bank, filwaqt li qed jgħid li ssaħħaħ fil-kapital tiegħu fuq is-snin preċedenti, qed jipproponi li klijenti li għandhom ishma għandhom jirċievu 1.71ċenteżmu għal kull sehem tagħhom.

Bank of Valletta qal ukoll li se jkun qed iwarrab €10 miljuni għal negozji li jkunu qegħdin f’diffikultà. Dan filwaqt li qed iwissi li l-kriżi ta’ bħalissa tista’ tħalli impatt negattiv ħafna.

Il-profitt ta’ din is-sena huwa 25% aktar minn dak irreġistrat fl-2018 wara li l–bank dik is-sena kien warrab €75 miljun fi spejjeż ta’ litigazzjoni.

Tul l-2019 il-Bank nefaq kwazi €24 miljuni f’ eżerċizzji traformattivi fejn żdiedu l-konrolli interni u ġew imnedija policies ġodda, kif ukoll tranġaw kontrolli li kienu fallew fl-imgħoddi.

Is-self għad-djar kompla jiżdied, u s-self kollu tela’ bi €88 miljun.

Id-depożiti tal-klijenti żdiedu bi 2.1% filwaqt li dawk ta’ kumpaniji barranin niżlu b’24%.

Il-Bank tenna li se jibqa’ għaddej bl-isforzi tiegħu ta’ derisking u investimenti.