Knisja Lokali

Il-Ġużeppini Rabtin jiċċelebraw il-festa fil-kwiet ta’ darhom

Id-19 ta’ Marzu – Jum il-Festa ta’ San Ġużepp. L-aktar jum mistenni tas-sena għal Ġużeppini Rabtin –iżda dan il-jum, dis-sena, inbidel f’wieħed ta’ diqa u qsim il-qalb.

It-toroq li ssoltu jkunu miżgħuda bil-ferħ tar-Rabtin, briju u daqq tal-banda, din is-sena kienu mneżża minn dan kollu, mill-armar tal-pavaljuni, liedna u bandalori.

“Jekk Alla jrid kollox jgħaddi b’wiċċ il-ġid, San Ġużepp dis-sena jerġa’ joħroġ darb’oħra”

Tieqa armata għal dan il-jum

Ghall-Arċikonfraternità ta’ San Ġużepp tar-Rabat, li din is-sena kienet qed tħejji festi speċjali, żgur li dan kollu ġie fuqhom b’mod tassew mhux mistenni. Tkellimna ma’ Twanny Muscat il- Moderatur tal-Festi Esterni fejn fost l-oħrajn qalilna li t-tama l-aħħar li tmut u li jekk Alla jrid kollox jgħaddi b’wiċċ il-ġid, San Ġużepp dis-sena jerġa’ joħroġ darb’oħra.

“Peress li din is-sena qed niċċelebraw il-150 sena mill-Patroċinju ta’ San Ġużepp hemm imnejn li l-festa niċċelbrawha u nagħlqu ċ-ċelebrazzjonjiet f’Settembru. Jekk kollox jgħaddi b’wiċċ il-ġid il-festa nkabbruha u niċċelebraw bil-kbir kif jixraq lil San Ġużepp.”   

Id-dilettanti ħasbu wkoll biex jinħaraq in-nar li kien tħejja, biex wara kollox ma jinħoloqx periklu li l-kamra tan-nar ikollha ammont sostanzjali ta’ nar maħdum u mhux maħruq. Dan fissirulna Frankie Micallef, id-Direttur tal-Għaqda tan-Nar 19 ta’ Marzu.

“Fit-8 ta’ Diċembru tas-sena l-oħra ħraqna n-nar, fl-1 ta’ Marzu ħriġna ‘l San Ġużepp, u hemm tajna n-nar ukoll. Issa fil-jum tiegħu se naħarqu wkoll biex wara kollox xorta waħda niċċelebraw dan il-jum bin-nar, iżda wkoll innaqsu l-ammont ta’ nar maħdum u mhux maħruq fil-kamra tagħna… B’hekk żgur innaqsu kull periklu li dan jista’ jġib miegħu”

L-imxija tal-COVID-19 tista’ tgħid affettwa l-ħajja ta’ kuljum saħansitra t-tradizzjonijiet Maltin fosthom il-festi.

Din is-sena l-Knisja qed tiċċelebra 150 sena mid-dikjarazzjoni ta’ San Ġużepp bħala Patrun tal-Knisja Universali.

Nhar il-Festa kien hemm ukoll quddiesa minn Mons.  Arċisqof Charles J. Scicluna mis-Santwarju Nazzjonali ta’ San Ġużepp Inkurunat fejn fost l-oħrajn kien hemm il-preżenza tal-Patrijiet Franġiskani.

Il-Maltin qed ikunu kawti

Intant fid-dawl ta’ dak kollu li qed jiġri bħalissa, il-poplu Malti jidher li qed jagħmel il-biċċa tiegħu wkoll u qed jobdi d-direttivi,  tant hu hekk li fit-toroq Maltin ftit li xejn stajt tara vetturi fit-toroq fil-Jum tal-Festa ta’ San Ġużepp.

Morna Ta’ Qali u wieħed mal-ewwel seta’ jinnota li kienu verament ftit dawk li ddeċidew li joħorġu.

Fost oħrajn spikkaw tfal jilagħbu bir-rota u oħrajn bil-ballun.  Kien hemm ukoll min ħa vantaġġ mill-ftit riħ li kien hemm matul il-jum, u ħareġ itajjar it-tajra.