Coronavirus Lokali

“Il-Gvern għandu jħallas minn tal-anqas 70% tal-pagi” – Malta’s Event & Expo Suppliers

Il-Gvern għandu jħallas minn tal-anqas 70% tal-pagi tal-Maltin u l-Għawdxin. Dan qaluh permezz ta’ stqarrija l-Malta’s Event & Expo Suppliers.

Huma qalu li l-industrija tagħhom diġà kellha numru ta’ xogħol imħassar jew iposponut fejn kollox qed jindika li dan se jħalli impatt ta’ kważi €30 miljun fil-bejgħ tul is-sena 2020.

Is-settur intant jimpjega mal-425 persuna, u dan jinkludi nies full-time u kif ukoll dawk part-time, u l-istqarrija kompliet li dawn in-nies mhux faċli li ssib oħrajn bħalhom li jistgħu jaħdmu f’dan is-settur.

L-istqarrija kompliet billi qalet li waqt li bħalissa jinsabu f’taħdidiet mal-Kamra tal-Kummerċ u l-Kamra tal-SME’s f’Malta bil-għan li d-diskussjonijiet u l-proposti jitwasslu għand il-Prim Ministru u lill-Ministri għat-Turiżmu u l-SMEs.

Fost oħrajn dawn il-proposti jinkludu għadd ta’ miżuri li s-settur se jitlob lill-Gvern biex jnaqqas l-effetti negattivi tal-kriżi.

• Li jkun hemm kontribuzzjonijiet tal-Assigurazzjoni Nazzjonali tal-Impjegati u ħlasijiet ta’ taxxa li għandhom jiġu posposti għall-2021 fuq termini aċċettabbli u mingħajr taxxi addizzjonali mhux previsti. Dan jibbenefikaw minnu kemm il-kumpaniji, u kif ukoll l-impjegati nfushom.

• Il-Gvern għandu jħallas minn tal-anqas 70% tal-pagi tal-Maltin u l-Għawdxin.

Huma qalu li dan is-settur jikkontribwixxi mill-inqas €40 miljun fis-sena għall-ekonomija Maltija.