Coronavirus Ekonomija Kummerċ Lokali

“Il-Gvern għandu jinżamm responsabbli għaż-żmien li ħela” – il-Kamra tal-SMEs

"Lestu ruħkom għal sensji u l-għeluq ta' negozji"

“Il-miżuri nofs leħja li ħabbar il-Prim Ministru mhumiex aċċettabbli. Quddeim il-kriżi tal-Coronavirus, il-Gvern għandu jaġixxi malajr, u se jinżamm responsabbli għall-ħela ta’ ħin u l-ħsara li qed issir lil Malta”.

Dikjarazzjoni ċara li saret illum mill-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji b’reazzjoni għall-konferenza tal-aħbarijiet li saret ilbieraħ f’Kastilja.

Iċ-Chamber tal-SMEs qed tinsisti li Malta għandha tlesti għal sensji bil-massa, qgħad u negozji li jfallu. Dan, sfortunatament, huwa x-xenarju reali li qed niffaċjaw, iżda l-Gvern mhux realizza kemm hi gravi s-sitwazzjoni.

Il-Kamra tal-SMEs qalet li ir-retorika tas-soltu li intużat fil-konferenza tal-aħbarijiet ma tfisser xejn u mhi se tbiddel xejn.

Fi stqarrija, il-Kamra – li tirrapreżenta firza wiegħsa ta’ negozji – qalet li l-Gvern għadu bżonn reality check u jrid jieqaf jilgħab bi preżentazzjoni ta’ miżuri żgħar.

Intqal ukoll li f’dan il-perijodu d-diffiċli, il-Gvern għadu lanqas biss iltaqa’ darba mal-imsieħba soċjali u l-korpi kostitwiti. Dan b’kuntrast għal dak li kien jiġri fil-passat meta l-pajjiż ukoll kien qed jaffaċja kriżi ekonomika.