Coronavirus Lokali

Il-GWU tipproponi aktar miżuri diretti li huma marbuta maż-żamma tal-impjiegi

Permezz ta’ sqtarrija l-GWU ssostniet illi l-Gvern għandu jkompli jniedi aktar miżuri sostenibbli fl-ekonomija bil-għan illi jkompli jalleva t-tbatijiet fl-immedjat għal min iħaddem. Temmen ukoll li kull miżura għandha tkun dejjem marbuta maż-żamma tal-impjegati.

Il-Union qalet li fid-diskussjonijiet li qed ikollha l-GWU bħalissa ma’ diversi postijiet tax-xogħol, hija infurmata li l-miżuri offruti xorta ser ikun hemm tkeċċijiet mill-postijiet tax-xogħol.

Fiċ-ċirkostanzi illi ħadd ma jaf kemm ser iddum din il-problema huwa ferm importanti illi l-istimolu ekonomiku għandu jkun wieħed sostenibbli u ma jwassalx lill-pajjiż għall-problemi finanzjarji fi żmien qasir li jwasslu għar-riċessjoni qawwija bil-konsegwenzi kollha negattivi fuq il-ħaddiema u l-pensjonanti tagħna.

Il-GWU taqbel illi f’dan il-perjodu l-enfazi għandu jkun dak illi jiġi allevat in-nuqqas ta’ likwidità u dħul li qed jaffaċjaw il-kumpaniji tagħna bid-differiment fuq pagamenti ta’ taxxi dovuti minn dawn il-kumpaniji, b’miżuri ta’ garanziji Governattivi għal self mill-banek u għajnuna diretta għaż-żamma tal-impjiegi.

Fuq aspett soċjali huma pożittivi l-miżuri f’żieda ta’ sussidju tal-kirjiet għal min jitlef l-impjieg u jkun qiegħed bil-kera u l-miżuri għall-persuni b’diżabilità.  Dawn huma kollha miżuri illi jtaffu minn tbatijiet illi qegħdin jaffaċjaw il-ħaddiema tagħna. 

Filwaqt li taqbel ma’ dan kollu l-GWU xorta temmen li dan mhux biżżejjed biex ħaddiema ma jitkeċċewx mid-diversi postijiet tax-xogħol. Għalhekk il-GWU tipproponi aktar miżuri diretti li huma marbuta maż-żamma tal-impjiegi. Dan bit-tama illi din il-kriżi tgħaddi fi żmien mhux daqshekk fit-tul.

Tags