Coronavirus Lokali Saħħa

Il-każi f’Malta jitilgħu għal 53

Jiżdiedu b’5 il-każijiet ta’ Coronavirus f’Malta, biex issa t-total ta’ nies morda bil-Covid-19 tela’ għal 53.

Fost il-każijiet li tħabbru mis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci, hemm:

  1. Mara Maltija ta’ 56 li ġiet trażmessa minn qariba tagħha li ġiet lura minn Brussel.
  2. It-tieni każ huwa ta’ żagħżugħ Malti ta’ 29 sena li ġie lura mill-Ingilterra fil-15 ta’ Marzu.
  3. Każ ieħor ta’ Spanjol ta’ 33 sena li jaħdem Malta u li ġie lura minn Madrid. Hu kien laħaq mar għal xi ħin ix-xogħol, iżda jidher li ma hemmx riskju.
  4. Kien hemm każ ieħor ta’ raġel Malti ta’ 35 sena, li ġie lura minn Brussell fil-11 ta’ Marzu u ħass is-sintomi ftit wara li wasal.
  5. L-aħħar każ li tħabbar huwa ta’ anzjan ta’ 64 sena li huwa qarib ta’ każ ieħor li kien ġie lura mir-Renju Unit

“Ma jfissirx li s-sitwazzjoni qed titjieb” – Charmaine Gauci

Il-Professur Charmaine Gauci qalet li għalkemm ir-riżultati ġodda li tħabbru l-Ħamis huma 5 biss dan ma jfissirx li s-sitwazzjoni qed taqleb għall-aħjar.

“Li kien hemm tnaqqis fil-każijiet mill-Erbgħa għall-Ħamis ma jfissirx li s-sitwazzjoni ttranġat… il-Covid-19 għadu fostna, u rridu nibqgħu nieħdu l-miżuri kollha neċċessarji biex dan il-virus ma jibqax jinxtered”

Hija fakkret ukoll fil-prekawzjonijiet li jridu jibqgħu jittieħdu sabiex dan il-virus ma jinxteridx.

“Il-poplu Malti jrid jibqa’ kawt, jaħsel idu ta’ spiss, joħroġ mill-anqas u jobdi d-direttivi li aħna nagħtu”

Fost oħrajn hija appellat biex min irid igawdi ftit arja friska jagħmel użu mill-gallariji, jew mill-bjut tad-djar. Hija insistiet biex kemm jista’ jkun jitnaqqas il-kuntatt ma’ persuni oħrajn.

Għall-mistoqsjiet tagħna Prof. Gauci qalet li kull persuna f’Malta li għandha l-virus tinsab f’kundizzjoni ta’ saħħa tajba. It-tifla ta’ 12-il sena li kienet l-ewwel persuna li nstabet pożittiva għall-Covid-19 ukoll tinsab fi stat ta’ saħħa tajba, iżda madankollu l-każijiet kollha li fiequ huwa biss dak ta’ tnejn.

Hija qalet ma jfissirx li meta persuna tirriżulta fil-pożittiv ma tkunx fi stat ta’ saħħa tajba. Prof. Gauci qaltilna li m’hemmx aktar professjonisti tas-saħħa li għandhom il-Coronavirus.

Il-pazjenti qed jinżammu f’postijiet differenti. L-ewwel pazjenti ddaħħlu fl-IDU u wara ġew trasferiti f’faċilità barra l-isptar. Persuni li huma aktar ta’ riskju qed jinżammu fl-IDU u dawk li m’għandhomx kumplikazzjonijiet mediċi qed jinżammu f’postijiet oħrajn, inkluż fi djarhom.

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika sostniet li dawk li jinsabu fi djarhom qed ikunu segwiti minn professjonisti tal-kura primarja kif ukoll il-pulizija qed jagħmlu moniteraġġ biex żgur dan ma joħorġux minn djarhom.

Rigward il-kura tal-Coronavirus, Prof. Gauci qalet li ma kienx hemm każijiet li kien hemm bżonn trattament. Hija tenniet li persuni b’mard tal-qalb, respiratorju, dijabetiċi u anzjani huma f’riskju akbar.