Coronavirus Kummerċ Lokali

Il-miżuri mħabbra mill-Prim Ministru; “diżappuntanti ħafna” – il-Kamra tal-Kummerċ

Il-miżuri li ħabbar il-Gvern fl-aħħar sigħat “Ma jwaqqfux it-telf tal-impjiegi”

Din id-dikjarazzjoni tasal mill-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija ftit wara l-konferenza stampa li fiha Robert Abela ħabbar miżuri ġodda b’reazjoni għal dak li qed jiġri f’pajjiżna kawża tal-COVID-19.

Fi stqarrija, il-Kamra qalet li qed tqis il-miżuri mħabbra mill-Prim Ministru bħala diżappuntanti ħafna. Huma stqarru li dawn il-miżuri ċertament ma jaqblux ma dak propost mill-Kamra b’mod ripetut fl-aħħar ġimgħatejn.

Il-Prim Ministru ddikjara li dawn il-miżuri kienu maħsuba biex jipproteġu l-impjiegi u jiżguraw li l-impjegati ma jbatu l-ebda tnaqqis fis-salarji tagħhom. L-istqarrija tal-Kamra qalet li fir-realtà, tista’ tiddikjara b’mod responsabbli li l-impjegati se jkunu l-akbar telliefa mill-pakkett ta’ appoġġ imħabbar minn Robert Abela.

Il-Kamra hija f’pożizzjoni ċentrali li tagħmel din id-dikjarazzjoni minħabba li hija f’kuntatt mill-viċin mal-bżonnijiet u l-weġgħat tan-negozju matul dawn iż-żminijiet ta’ sfida.

Il-Kamra hija wkoll diżappuntata li tinnota li ma saret l-ebda referenza għall-fatt li l-Gvern se jkun qed jimplimenta miżuri biex inaqqas l-infiq fis-settur pubbliku.

il-Kamra ssuġġeriet li f’każijiet ta’ kumpaniji li jsofru aktar minn 25% telf, il-Gvern għandu jħallas 50% tas-salarju tal-impjegat sa massimu tas-salarju medju ma’ min iħaddem li jkopri il-25% l-oħra.

It-tħabbira li saret mill-Prim Ministru hija ekwivalenti għal sussidju ta’ 20% tas-salarju tal-impjegat fil-livell tal-paga minima. B’konsegwenza ta’ dan, il-Kamra tinsab konvinta li l-miżuri mħabbra jagħmluha impossibbli għal min iħaddem li jevita s-sensji.

Il-Kamra hija wkoll diżappuntata li tinnota li ma saret l-ebda referenza għall-fatt li l-Gvern se jkun qed jimplimenta miżuri biex inaqqas l-infiq fis-settur pubbliku.

Fuq nota aktar pożittiva, il-Kamra nnutat l-avviż tant mistenni tal-Gvern li jagħmel tajjeb parzjalment għall-ispiża ta’ min iħaddem għall-Leave tal-Kwarantina b’rata kważi ekwivalenti għall-paga minima (jew €350 għal kull impjegat). Anke dan, madankollu, tgħid l-istqarrija, mhux se jikkumpensa għal kollox lil min iħaddem.

Il-Kamra nnotat ukoll kumment li sar waqt il-Konferenza Stampa mill-Ministru għall-Ekonomija fis-sens li l-Gvern jista’ jħabbar aktar inċentivi fil-jiem li ġejjin, madankollu jibżgħu li kwalunkwe avviż ieħor jista’ jkun tard wisq biex jiġu evitati konsegwenzi mhux mixtieqa fuq l-ekonomija.