Coronavirus Ekonomija Kummerċ Lokali

“Il-miżuri tal-Gvern huma ferm ‘il bogħod minn dak li hu meħtieġ” – MHRA

Il-front ta' Tas-Sliema kważi deżert
L-MHRA tinsab diżappuntata li l-miżuri mħabbra lbieraħ mill-Gvern naqsu milli jindirizzaw il-bżonnijiet tan-negozji u ma offrew ebda prospetti pożittivi.

Il-lukandi u r-ristoranti huma wieqaf… l-ajruport magħluq… l-avvenimenti kollha kkanċellati u lukandi kważi vojta.

Fi stqarrija l-MHRA qalet li fl-aħħar jiem ma kien hemm ebda dħul iżda biss infiq… sitwazzjoni li ma tistax tibqa’ tiġi sostnuta għal aktar minn ftit ġimgħat. 

Sfortunatament din hija r-realtà li qed jagħaddu minnha diversi kumpaniji… anke dawk li fl-aħħar snin irreġistraw profitt. 

Fin-natura tagħha l-industrija tal-ospitalità hija settur intensiv tax-xogħol, u għalhekk il-pagi huma l-infiq maġġuri li fl-aħħar snin dan ikkontribwixxa b’mod sinifikanti ħafna lejn id-dħul tal-gvern. 

It-tixrid tal-COVID-19 u l-effett li dan qed iħalli fuq l-ekonomija kien wieħed imprevedibbli u għalhekk l-ebda pjanijiet ta’ kontinġenza ma setgħu jkunu previsti.

L-istqarrija tal-MHRA tkompli tgħid li operaturi fis-settur tat-turiżmu ta’ kuljum qed iħabbtu wiċċhom mal-ispiża tal-pagi mingħajr ebda dħul għal perjodu indefinit ta’ żmien. 

Ovvjament dan jista’ jiġi sostnut biss għal numru żgħir ta’ ġimgħat iżda dan il-perjodu jista’ jiġi estiż b’mod sostanzjali b’assistenza aħjar mill-gvern u aktar għajnuna mill-impjegati. Mingħajr dawn it-tnejn, il-probabbilta li dawn jibqgu joperaw hija limitata ħafna. 

Fid-dawl ta’ dan kollu, l-MHRA u partijiet interessati oħra fis-settur isibu l-miżuri mħabbra l-bieraħ mill-Gvern bħala miżuri diżappuntanti. Fi kliem sempliċi, dawn mhumiex se jkunu biżżejjed għal ħafna kumpaniji li jżommu impjegati fulltime u jibqgħu miftuħa.

Il-futur tas-settur tat-turiżmu f’Malta huwa improbabbli li jiġi lura għan-normal fil-ġimgħat li ġejjin fejn din il-kriżi jista’ jkun li ddum ix-xhur.

L-MHRA ssostni li kontribuzzjoni ta’ 320 ewro għal kull impjegat fix-xahar għall-ispejjeż tal-pagi hija ferm ‘il bogħod minn dik l-għajnuna li kienet mistennija.

L-MHRA tabilħaqq tinsab diżappuntata li l-miżuri mħabbra lbieraħ mill-Gvern naqsu milli jindirizzaw l-bżonnijiet tan-negozji u ma offrew ebda prospetti pożittivi. 

Mingħajr appoġġ tal-ispejjeż tal-pagi, minn minimu ta’ €800 fix-xahar għal kull impjegat, is-sitwazzjoni effettivament se ssir waħda iktar diffiċli fi żmien qasir.