Coronavirus Futbol Sport

Is-sospensjoni tal-futbol fl-Ingilterra estiża sat-30 ta’ April

(Ritratt: EPA)

Wara laqgħa bejn il-klabbs Ingliżi u l-FA Ingliża ntlaħaq qbil li l-futbol kollu fl-Ingilterra jkun sospiż minn tal-inqas sat-30 ta’ April minħabba l-pandemija tal-Coronavirus.L-istqarrija maħruġa mill-FA Ingliża qalet li flimkien mal-klabbs jinsabu ottimisti li jsibu mod kif il-kampjonati fl-Ingilterra, il-kompetizzjonijiet tal-klabbs fl-Ingilterra u l-kompettizjonijiet Ewropej jitkomplew meta jkun sigur għas-saħħa ta’ kull minn hu nvolut bl-aħjar mod possibli.

L-FA kompliet li hi qablet mal-UEFA dwar il-posponiment tal-EURO 2020 sal-2021 biex b’hekk jingħata ċ-ċans li jintemmu l-kompetizzjonijiet domestiċi u dawk Ewropej.Ir-regoli tal-FA jgħidu li l-kampjonati ma jistgħux jintemmu wara l-1 ta’ Ġunju u l-kompetizzjonijiet kollha jridu jintemmu fil-perjodu li jintemm il-kampjonat.

Minkejja dan iktar kmieni, il-Board tal-FA laħaq ftehim biex din id-data tiġi estiża b’mod indefinit għal dan l-istaġun.L-istqarrija temmet tgħid li kull ġurnata qegħdin isiru kambjamenti ġodda fir-rigward tal-Coronavirus u mhuwiex ċar meta s-sitwazzjoni se tkun riżolta, bl-FA Ingliża tgħid li se tkompli ssegwi l-avviżi maħruġa mill-Gvern Ingliż.