Coronavirus Lokali

“Ninsab ċert li se nerġgħu nsibu saqajna” – Il-President ta’ Malta

“Il-Maltin magħrufa għal kif kapaċi jirpiljaw minn sitwazzjonijiet agħar. Bl-għaqda ta’ bejnietna għelibna bosta diffikultajiet u ostakli fil-passat. B’determinazzjoni, b’dixxiplina, is-solidarjetà, u fuq kollox bl-għajnuna t’Alla, ninsab ċert li ser nerġgħu nsibu saqajna u nkomplu fejn ħallejna.”

F’dawn il-mumenti diffiċli għal pajjiżna kawża tat-tixrid tal-Coronavirus wassal il-messaġġ tiegħu l-President ta’ Malta George Vella.

Hu ndirizza wkoll lil dawk milquta mill-COVID-19 kif ukoll lill-familjari tagħhom.

“Tinsabu f’idejn tajba, u l-kura li qed tirċievu hija waħda mill-aqwa. Għamlu kuraġġ u kunu afu li tinsabu fil-ħsibijiet u t-talb ta’ bosta.”

Fil-messaġġ televiżiv, il-President ta’ Malta wassal l-apprezzament lill-ħaddiema kollha tas-settur tas-saħħa, u dawk kollha f’dipartimenti oħra, kif ukoll lill-voluntiera – mill-kbir saż-żgħir – li b’sagrifiċċji kbar u b’riskju personali qed iduru bil-pazjenti u jieħdu ħsieb l-interess tal-pajjiż kollu.

George Vella rrigrazzja wkoll lill-awtoritajiet li flimkien mal-media qed  ikomplu jżommu l-pubbliku nfurmat.

 “Jien bħalkom, bħala ċittadin u missier, inħoss li l-għoti ta’ informazzjoni ta’ dan it-tip jagħmel ħafna ġid u jserraħ xi ftit l-imħuħ. F’dawn iċ-ċirkostanzi, fejn qed niġġieldu kontra għadu li ma jidhirx, l-informazzjoni hija għodda fundamentali.”

Hu appella għas-sens ta’ responsabbiltà biex kulħadd isegwi d-direttivi tal-awtoritajiet tas-saħħa li huma maħsuba għall-ġid aħħari tal-poplu kollu.

Dan filwaqt li appella biex f’dawn iż-żmienijiet ma ninsewx lill-anzjani u lil dawk l-aktar vulnerabbli u li telefonata kuljum b’turija ta’ kuraġġ tista’ tfisser ħafna. Il-Pesident tkellem ukoll dwar ir-riperkussjonijet wiesa’ tal-COVID-19 li qed jolqot l-oqsma ekonomiċi u soċjali.