Internazzjonali

Stati Uniti: L-ebda virus mhu se jżommhom ‘il bogħod minn Spring Break…

Fl-Istati Uniti, mijiet ta’ żgħażagħ, fil-parti kbira studenti, qegħdin jagħżlu li jisfidaw il-periklu mill-coronavirus u jgawdu bħas-soltu l-btajjel ta’ dan iż-żmien tas-sena skont it-tradizzjoni magħrufa bħala Spring Break.

Dawn iż-żgħażagħ qed joħonqu Miami Beach, ‘il hinn mill-kosta ta’ Miami, fi Florida, fi żmien meta l-ħajja pubblika litteralment waqfet fi bliet sħaħ tal-Istati Uniti b’kaġun tal-infezzjonijiet mill-Covid-19.

Madankollu, dawn iż-żgħażagħ, li jidhru li huma aktar familjari mal-birra Corona milli mal-coronavirus, qed ikomplu jimlew din il-bajja u n-nightclubs ta’ Miami Beach huma u jinjoraw ir-rakkmandazzjonijiet biex iżommu distanza minn xulxin fl-interessi tas-saħħa.

Intant qed jidher ukoll li wħud mill-istudenti issa qed jiffaċjaw ir-realità wara ċanfira mingħand il-President Amerikan Donald Trump. Il-President, waqt konferenza televiżiva, ikkritika liż-żgħażagħ partikulari waqt li qal li dawn ħsiebhom biss li jiddevertu mingħajr ma jikkunsidraw il-konsegwenzi għalihom u għal ħaddieħor.