Coronavirus Ekonomija Kummerċ Lokali Saħħa

“Tabbandunax lill-ħaddiema issa” – Adrian Delia

Ninvestu fin-negozji sabiex nissalvagwardjaw l-impjiegi

“Mhux minnu li l-Gvern se joħroġ €1.8 Biljun sabiex jgħin lil pajjiżna u biex jgħin lill-ekonomija, n-negozji, l-ħaddiema u l-familji tagħna. Il-massimu li se joħroġ huwa mhux iktar minn €175 miljun, inqas minn 10% ta’ dak li qal. ”, hekk qal il-Kap tal-PN Adrian Delia waqt konferenza tal-aħbarjiet flimkien mal-Kelliema tal-Oppożizzjoni Claudio Grech u Mario de Marco. 

Adrian Delia qal li mill-ammont imħabbar; €700 miljun, huma tax deferrals u allura qed jgħid lin-negozji biex ma jħallsux issa t-taxxi fuq kummerċ u bejgħ li ma jafux jekk hux se jagħmlu, u li bl-għajnuna fqira li ngħatat probabbilment ħafna min-negozji lanqas biss se jkunu għandhom qegħdin joperaw sabiex ikunu jistgħu jħallsu din it-taxxa.

Spjega li €900 miljun mill-ammont imsemmi huma loan guarantees u dan ifisser li l-Gvern se jagħmel tajjeb għal min jieħu self imma sa 20% biss tagħhom, meta fis-sitwazzjoni preżenti huwa ferm diffiċli għan-negozji li jagħmlu tajjeb għat-80% l-oħra. Dr Delia fakkar li l-Gvern ħareġ €360 miljun lill-Electrogas biex ninsterqu filwaqt li għan-negozji kollha ta’ Malta u Għawdex se jagħti biss €900 miljun.

Adrian Delia qal li l-ammont li l-Gvern se jżid bħala nefqa diretta fis-settur tas-saħħa hija ta’ €35 miljun biss, inqas minn nofs dak li l-Gvern stess se jkun ta lil Steward din is sena biss, meta se jagħtihom iżjed minn €70 miljun li minnhom mhu ser nieħdu xejn, f’serqa ta’ flus il-poplu. Dan kollu fi żmien meta s-settur tas-saħħa huwa l-iżjed fil-bżonn.

Jibqa’ €175 miljun li fil-verità dan huwa l-ammont li se joħroġ il-Gvern. Huwa qal li tajjeb li se jingħataw €16 miljun f’għajnuna diretta lill-familji, li tant bħalissa huma fil-bżonn, għalkemm hemm bżonn ħafna iktar, iżda l-kumplament ta’ dan l-ammont mhux bizzejjed; mhux qed jintuża tajjeb; u lanqas mhu se jsalva l-impjiegi. Dan għaliex il-Gvern se jagħti lil min iħaddem €320 u cioe 2/5 ta’ €800 paga fix-xahar u allura mhux biżżejjed biex jgħin lil min iħaddem iżomm il-ħaddiema tiegħu. Dan mhux qed tgħidu l-Oppożizzjoni biss iżda dan is-sentiment ġie rifless ukoll mill-Korpi Kostitwiti fosthom il-Kamra tal-Kummerċ, l-MEA, l-MHRA u ċ-Chamber of SMEs.

Il-Kap tal-PN Adrian Delia qal li t-tliet xhur moratorju fuq pagamenti ta’ self mhux se jsolvi l-problema għal żewġ raġunijiet; L-ewwel huwa qasir wisq u kif diġà qalet l-Oppożizzjoni għandu jkun tal-inqas sitt xhur għax in-negozju diġà ilu ġimgħat imweħħel u se jibqa’ xhur oħra imwehhel u t-tieni, għax kull perjodu għandu jibda minnufih u kkalkulat minn meta ngħaddu dan iż-żmien diffiċli. Adrian Delia qal li dak li ppreżenta l-Gvern mhux biżżejjed biex insalvaw l-impjiegi, meta għandna ninvestu fin-negozji sabiex nissalvagwardjaw l-impjiegi.

Huwa qal li l-Oppożizzjoni diġà qalet li lesta tgħin miżuri serji biex lil min huwa dgħajjef ngħinuh u lil min iħaddem nagħtuh is-sapport biex noħorġu minn dawn iż-żmien u flimkien negħlbu din l-isfida.

Claudio Grech qal li kulħadd kien qed jistenna li l-Gvern jibgħat messaġġ lil min iħaddem li se jiġu salvati l-impjiegi iżda minflok rajna rassenjazzjoni min-naħa tal-Gvern li se jintilfu l-postijiet tax-xogħol. Huwa qal li meta minn €1.8 biljun il-Gvern se jagħti biss €175 miljun f’assistenza diretta, issa nafu għalfejn ma riedx li ssir diskussjoni fil-Parlament dwar dan is-suppost pakkett ta’ għajnuna. Claudio Grech qal li meta l-Gvern se jkopri parti minn paga ta’ €800 fix-xahar ifisser li qiegħed ikopri biss l-ispiża li kieku kellu jidħol għall-unemployment benefit, u meta ilu jiftaħar bil-ġid dan kellu jitqassam mal-ħaddiema u mhux ħallihom iġorr il-piż.

Mario de Marco qal li l-miżuri mħabbra lbieraħ juru li l-Gvern ma jistax jifhem it-tħassib u d-diffikultajiet tan-negozji u għal eluf ta’ impjiegi tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin u għalhekk li dawn il-miżuri huma diżappunti għax ma jagħtu l-ebda assistenza serja. Dan meta pajjiżi oħrajn Ewropej iddikjaraw li l-ħaddiema tagħhom mhux se jitilfu mill-pagi tagħhom u din hija d-differenza bejn il-Gvern Malti li ma tax assigurazzjonijiet u Gvernijiet Ewropej oħrajn li assiguraw lill-ħaddiema li ħadd mhu se jitlef xogħlu. Huwa qal li minn €1.8 biljun, l-għajnuna diretta li se jagħti l-Gvern se tkun ta’ €175 miljun, biex insalvaw setturi ekonomiċi kbar bħat-turiżmu li jammonta għal 20% tal-GDP.

Matul din il-konferenza tal-aħbarijiet, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Adrian Delia kien akkumpanjat mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar il-Benesseri tal-Familja, s-Solidarjetà Soċjali, l-Pensjonijiet, id-Drittijiet tat-Tfal u tat-Tarbija fil-Ġuf Claudio Grech u mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Finanzi Mario de Marco.