Coronavirus Internazzjonali

Xeni tat-tkexkix fl-Italja

Trakkijiet tal-militar iġorru għexieren ta' twiebet

Xeni ta’ dieqa kbira fl-Italja hekk kif in-numru ta’ mejta bil-Covid-19 qed ikompli jiżdied ta’ kuljum, biż-żoni bl-agħar ċifri jibqgħu dawk fit-tramuntana tal-pajjiż.

Matul il-jum, fit-toroq ta’ Bergamo lbieraħ ftit li xejn dehru karozzi, madankollu filgħaxija inġabar serbut ta’ trakkijiet tal-militar. Fihom għexieren ta’ twiebet.

Il-krematorju ta’ Bergamo mhux qed ilaħħaq.

F’24 siegħa, il-krematorju ta-belt kapaċi jwettaq 24 kremazzjoni, madankollu, in-numru ta’ mejta f’Bergamo f’dawn il-ġranet qed jaqbżu bil-bosta din iċ-ċifra.

Giorgio Gori, is-sindku tal-belt, qal li n-numru ta’ persuni mejta kawża tal-Covid-19 jista’ jkun ferm għola minn dak irreġistrat. Dan għaliex għadd ta’ persuni li qed imutu f’dawn il-jiem mhux qed jilħqu jiġu ttestjati.

Ħafna twiebet qed jittieħdu fi krematorji oħra fl-ibliet ta’ Modena, Acqui Terme, Domodossola, Parma, Piacenza u oħrajn.