Coronavirus Lokali Saħħa

11-il każ ġdid irreġistrat fl-aħħar 24 siegħa

F’konferenza tal-aħbarijiet li qed issir ta’ kuljum, il-Professur Charmaine Gauci, Supretendent għas-Saħħa Pubblika qalet li fl-aħħar 24 siegħa kienu 11 il-każi l-ġodda ta’ Covid-19 irreġistrati f’pajjiżna.

B’hekk issa telgħu għal 64 in-numru ta’ każi rreġistrati f’pajjiżna.

Fost il-każi issa hemm l-ewwel każ irreġistrat f’Għawdex u anke l-ewwwel każ ta’ persuni li jinsab f’qagħda vulnerabbli.

Charmaine Gauci qalet li fl-aħħar 24 siegħa saru 249 test gdid.

Is-Supretendent għas-Saħħa Pubblika saħqet li qed isiru ħafna testijiet sabiex il-virus jinqabad kemm jista jkun malajr.

Raġel Għawdxi li żviluppa s-sintomi kien f’meeting ma għadd ta’ persuni oħra. Jidher li hu żviluppa l-virus wara dan il-meeting u għalhekk dan kien każ ta’ trażmissjoni lokali.

Raġel ta’ 63 sena li kien btala fl-Italja żviluppa s-sintomi wara li kien baqa’ kwarantina meta ġie lura mill-btala.

Raġel ieħor ta’ 45 sena żviluppa s-sintomi wara btala l-Brazil. Persuna oħra li kienet miegħu qed tiġi mmonitorjata.

Careworker ta’ 49 sena żviluppat sintomi ftit tal-jiem ilu. Hi ma kienitx imsiefra. F’dan il-każ qed issir investigazzjoni dwar minn fejn setgħet ħadet il-virus.

Mara ta’ 71 sena li hija s-sieħba ta’ każ ieħor ikkonfermat, kellha kuntatt mill-qrib ukoll mat-turisti.

Mara ta’ 36 sena, li wkoll hija healthcare worker ittestjat pożittiv. Hi kellha kuntatt ma’ persuna oħra li kellha l-virus u li wkoll huwa healthcare worker. Qed isiru investigazzjonijiet fuq il-pazjenti li seta’ kellhom kuntatt magħha.

Spanjol li jaħdem Malta u li mar Spanja aktar kmieni dan ix-xahar ukoll żviluppa s-sintomi.

Każ ieħor huwa ta’ Indjan ta’ 31 sena u li jagħmal parti minn nukleu ta’ 4 persuni infettati mill-istess post tax-xogħol.

Raġel Malti ta’ 61 sena beda bis-sintomi fit-13 ta’ Marzu. Ilbieraħ huwa ddaħħal l-isptar Mater Dei u rriżulta pożittiv. Huwa żviluppa kumplikazzjonijiet minn dan il-virus, madankollu ma jinsabx f’qagħda kritika. Huwa qed jinżamm fit-taqsima tal-mard infettiv (IDU). Is-sieħba tar-raġel ukoll ġiet ittestjata u rriżultat pożittiva għalkemm is-sintomi tagħha huma eħfef minn tar-raġel.

Każ ieħor huwa dak ta’ mara li hija omm it-tifel ta’ tlett snin li żviluppa l-virus aktar kmieni din il-gimgħa. F’dan il-każ dan issa huwa nukleu ta’ 8 persuni li ttieħdu minn sors wieħed.

Charmaine Gauci qalet li minkejja l-fatt li 80% tal-każi ma jkollhomx bżonn jiddaħħlu l-isptar, dan ma jxejjinx il-fatt li wieħed irid ikun responsabbli. Hija saħqet fuq il-bżonn li kemm jista’ jkun kulħadd jibqa’ ġewwa u ma joħroġx ħlief għall-bżonn. Dan wara li lbieraħ f’pajjiżna ħafna nies ħarġu u marru fil-kampanja jew ħdejn il-baħar f’numri konsiderevoli.

Hija appellat ukoll biex min jista’ jaħdem mid-dar, jagħmel dan, biex jissalvagwardja kemm is-saħħa tiegħu kif ukoll dik tal-kollegi u tal-maħbubin tiegħu.