Lokali

Bl-informazzjoni u l-impenn ta’ kulħadd nistgħu negħlbu l-isfida tal-COVID-19 f’pajjiżna

“Bl-impenn kontinwu ta’ kulħadd fejn kull ċittadin jagħmel il-parti tiegħu, flimkien nistgħu nirbħu din l-isfida u ngħaddu minn dan iż-żmien diffiċli li qed jaffaċċja pajjiżna.” Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia f’laqgħa oħra minn sensiela mas-Supretendent għas-Saħħa Pubblika l-Prof. Charmaine Gauci.

Matul din il-laqgħa l-Prof. Gauci tat l-aħħar dettalji dwar l-imxija tal-COVID-19 f’pajjiżna. Hija spjegat il-miżuri li qed jittieħdu sabiex jiġi kkontrollat dan il-virus. Min-naħa tiegħu Dr Delia rringrazzja lil kull min bħalissa qiegħed jagħmel ħiltu u jagħti kontribut biex bħala pajjiż, u nazzjon wieħed negħlbu din l-isfida. Huwa rringrazzja partikolarment lil Charmaine Gauci nnifisha li tinsab fuq quddiemnett f’din il-ħidma.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia saħaq li l-imxija tal-COVID-19 hija ta’ interess nazzjonali u għalhekk jirrikjedi li l-poplu kollu jkun infurmat bl-aħjar mod possibbli u dwar xi prekawzjonijiet għandhom jittieħdu.

Din hija sfida li mhix tolqotna biss mil-lat ta’ saħħa fiżika iżda wkoll mill-aspett ta’ saħħa mentali, hekk kif il-miżuri li qed jittieħdu biex jonqos it-tixrid qed iwasslu għas-solitudni u l-iżolament soċjali. L-inċertezza ekonomika li għaddejjin minnha qed tirriżulta f’iżjed stress, ansjetà u ċans għal dipressjoni. Għandna negħlbu l-biża bl-informazzjoni u l-edukazzjoni.

Għaldaqstant l-Oppożizzjoni temmen li bħala soċjetà għandna lkoll niġbdu ħabel wieħed, kemm sabiex nipproteġu rwieħna mill-virus kif ukoll biex nimminizzaw l-konsegwenzi negattivi li qed iġib fuqna. L-Oppożizzjoni qed tkun waħda proattiva u mhux reattiva, fejn qed noffru s-sapport u s-soluzzjonijiet għall-isfidi li qed naffaċċjaw flimkien.

Għal din il-laqgħa mas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci, l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia kien akkumpanjat mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar is-Saħħa Stephen Spiteri u mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar il-Benesseri tal-Familja, s-Solidarjetà Soċjali, l-Pensjonijiet, id-Drittijiet tat-Tfal u tat-Tarbija fil-Ġuf Claudio Grech.