Coronavirus Sport Sport Ieħor

Din kellha tkun is-sena li niġbor il-frott ta’ sena mimlija sagrifiċċji – Mya Azzopardi, għawwiema

Fost l-aktar atleti milquta mit-tixrid tal-coronavirus hemm l-atleti li kienu qed jaspiraw li jiksbu kwalifikazzjoni għall-Olimpjadi f’Tokyo li sa issa se jsiru. Iż-Żagħżugħa tas-Sena Mya Azzopardi tinsab f’din is-sitwazzjoni hekk kif kienet qed tfittex li tikseb ir-riżultati u l-kwalifikazzjoni meħtieġa fil-kompetizzjonijiet li jmiss li madankollu ma ġew posposti.

Mya Azzopardi ilha tgħix Ruma għal dawn l-aħħar sentejn bl-għan li ttejjeb ir-riżultati tagħha. Hi bħalissa tinsab f’pajjiżna hekk kif iddeċidiet li tirritorna fiż-żmien fejn ma kienx għadu obbligatorju l-kwarantina u għalhekk setgħet titħarreġ. Wara d-deċiżjoni tal-Gvern, Azzopardi osservat il-kwarantina u waqfet mill-għawm. Hi kienet qed titħarreġ flimkien mal-kowċ nazzjonali Artem Goncharenko u ssegwi l-programm ta’ taħriġ mill-kowċ tagħha Simone Palombi. F’dawn il-jiem, Azzopardi ma kelliex stabbiltà u għamlet mill-aħjar biex tieħu l-aktar li tista’ f’din is-sitwazzjoni.

Dan is-sit tkellem ma’ Azzopardi li esprimiet id-dubji li għandha bħalissa minħabba din is-sitwazzjoni straordinarja. Azzopardi uriet id-diżappunt tagħha f’dan il-mument hekk kif il-mira ewlenija tagħha f’din is-sena hi li tikkwalifika għall-Olimpjadi. “Dan suppost kellu jkun il-perjodu tas-sena li minnu niġbor il-frott ta’ sena sħiħa ta’ sagrifiċċji u xogħol iebes.” L-għawwiema Maltija mhix l-unika atleta li qed issofri minn dan il-fatt minħabba li ġew ikkanċellati diversi kompetizzjonijiet ta’ kwalifikazzjoni. Is-soltu jkun magħruf il-kalendarji ta’ avvenimenti u b’hekk l-għawwiema jkunu jistgħu jippreparaw aħjar.

Mya Azzopardi qalet li għalkemm taqbel mad-deċiżjoni li ngħalqu l-pixxini f’Malta biex titħares is-saħħa tal-poplu, semmiet kif l-Italja jaħdmu ftit differenti. “L-Italja jibqgħu jħarrġu għawwiema ta’ livell internazzjonali speċjalment dawk li qegħdin taħt preparazzjoni għall-Olimpjadi. Eżempju l-klabb tiegħi f’Ruma Tiro a Volo Nuoto, għandu 900 għawwiem iżda ħamsa biss qed ikomplu bit-taħriġ. Taħt prekawzjoni stretta jkollhom, taħriġ darbtejn kuljum u tiġi kkontrollata t-temperatura tagħhom ta’ ġisimhom u b’hekk huma salvagwardjati.” Bħalissa, hi tinsab imweġġa’ minħabba li weġgħet l-ispalla, problema oħra li għandha minħabba li hi ftit aktar diffiċli biex tirkupra.