Il-Pulizija kkonfermat li huwa Victor McKeon il-vittma tad-delitt li seħħ f’Santa Lucija.
Testijiet tad-DNA ikkonfermaw li l-ġisem li nstab nhar it-Tlieta f’appartament f’Misraħ Dorell, Santa Luċija kien tal-Malti ta’ 62 sena.
Il-ġisem ta’ McKeon kien instab imġeżwer f’boroż kbar tal-plastik fl-art tal-kamra tal-banju tal-appartament fejn kien jgħix hu stess.
It-Tlieta waranofsinhar, xi ġirien ċemplu lill-Pulizija wara li kienet qed tinxtamm riħa qawwija ħierġa minn appartament fil-blokka tagħhom, biex mal-wasla tagħhom il-Pulizija sabu x-xena makabra.
L-aħħar stqarrija tal-Pulizija tgħid li dwar il-kawża tal-mewt, għadhom qed isiru l-eżamijiet forensiċi mill-esperti mqabbdin mill-Qorti.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan il-każ għadhom attivi. Intant għadha għaddejja wkoll it-tfittxija għall-allegat agressur jew agressuri.
//= $special ?>