Coronavirus Lokali

Il-PN jappella biex tingħata l-għajnuna kollha meħtieġa mingħajr dewmien lill-ħaddiema u n-negozji

“Is-suppost pakkett ta’ għajnuna tal-Gvern mhux biżżejjed u huwa ferm ‘il bogħod minn dak li huwa meħtieġ biex ma jkollniex iżjed telfien ta’ impjiegi u s-sapport meħtieġ lil min iħaddem waqt dan iż-żmien ta’ kriżi bl-imxija tal-COVID-19 f’pajjiżna.”, hekk qal il-Viċi Kap tal-PN għall-Affarijiet Parlamentari David Agius meta kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet flimkien mal-Kelliem tal-Oppożizzjoni Edwin Vassallo u d-Deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo.

David Agius meta ħaddiema u dawk li jħaddmu lesti jerfgħu parti mill-piż, bir-raġun qed jistennew li l-Gvern jgħin direttament b’miżuri serji wara tant żmien jiftaħar bis-surplus, u jerfa’ parti sostanzjali mit-tbatijiet li qed jgħaddu minnhom il-ħaddiema u min iħaddem. L-Oppożizzjoni tqis li dak li ppropona l-Gvern mhux biżżejjed biex jindirizza dawn id-diffikultajiet, sentiment li esprimewh ukoll Korpi Kostitwiti, imsieħba soċjali u unjins.

David Agius qal li fuq naħa għandna l-Gvern li ma jaħsibhiex darbtejn biex jimpala l-mijiet ta’ miljuni tal-ewro lil kumpaniji privati li serquna l-miljuni, u fuq in-naħa l-oħra għandna n-negozji Maltin u Għawdxin li qed jistennew li l-Gvern jiftakar fihom ukoll. Huwa qal li meta din is-sena l-Gvern se jkun qed jagħti €70 miljun lil Steward, fis-serqa ta’ flus il-poplu, l-għajnuna li se jagħti lis-settur mediku kollu se tkun ta’ €35 miljun.

Ħafna mill-€1.81 biljun huma garanziji lill-banek u posponimenti tat-taxxa li xorta jridu jitħallsu aktar tard u minn dawk il-biljuni kollha li semma l-gvern, 10% biss se jaslu għand is-settur privat u għand il-ħaddiema tagħna.

Il-Viċi Kap tal-PN qal li meta raħsu bil-kbir il-prezzijiet taż-żejt u tal-gass madwar id-dinja, l-Oppożizzjoni pproponiet lill-Gvern biex mingħajr aktar dewmien iraħħas b’mod sostanzjali l-kontijiet tad-dawl u tal-ilma għall-familji u n-negozji b’mod li jkun jirrifletti r-roħs fil-prezzijiet internazzjonali.

Madanakollu l-Gvern għażel li din il-proposta jagħtiha l-ġenb. Huwa qal li l-Oppożizzjoni pproponiet ukoll li l-leave tal-kwarantina jitħallas kollu mill-Gvern, u wara konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali, l-Gvern iħallas sa 50% tas-salarji ħalli ma jkunx hawn sensji bla bżonn. David Agius qal li neħtieġu miżuri ferm aktar immirati u ambizzjużi, li jtaffu l-problema fl-immedjat imma li jaħsbu wkoll fit-tul u għalhekk il-PN matul l-aħħar jiem kien proattiv u se jibqa’ jagħmel l-parti tiegħu billi jressaq iżjed proposti konkreti.

Il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata wkoll mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar is-Self Employed, in-Negozji ż-Żgħar, l-Koperattivi, l-Biedja u s-Sajd Edwin Vassallo u mid-Deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo.

Edwin Vassallo qal li n-negozji u l-SMEs għaddejjin minn żmien li qatt ma għexna bħalu bil-maġġoranza jinsabu magħluqa iżda għadhom qegħdin iħallsu l-ispejjeż bħall-kontijiet tad-dawl u l-ilma, loans u kirjiet. Huwa qal li filwaqt li l-Gvern ipprova jġelled lil min iħaddem mal-ħaddiema wera wkoll li ma fehemx id-diffikultajiet tan-negozji li qegħdin ibatu bil-cash flow u li jistgħu jsalvaw biss skont kemm se jingħatalhom nifs, għaliex kif jgħaddi dan iż-żmien diffiċli jridu jkunu huma li jerġgħu jkabbru l-ekomomija.

Edwin Vassallo qal li minkejja l-ftaħir tal-Gvern dwar l-għajnuna, hemm setturi fosthom ir-retail, trasport u professjonisti li jinsabu fid-dubju meta l-Gvern ma kkonfermax jekk humiex eleġibbli għall-għajnuna jew le. Edwin Vassallo ppropona li l-Gvern, bħala sid ta’ kirjiet, jissospendi pagamenti tal-kiri bħal fabbriki u mħażen u jissospendi wkoll pagamenti ta’ liċenzji u permessi. Huwa qal li l-Oppożizzjoni se tibqa’ tressaq proposti biex insalvaw l-impjiegi billi nagħtu sapport lil min iħaddem.

Ivan Bartolo qal li għal min iħaddem wara kull impjegat hemm persuna u familja u jkun hemm ħafna emozzjonijiet wara d-diċeżjoni diffiċli li ħaddiem jingħata s-sensja. Huwa qal li meta wieħed jagħsar sew dak li l-Gvern qed jgħid li huwa €1.8 biljun f’għajnuna, fil-verità jsib li 88% minnhom huma deferred tax u bank guarantees. Dan kollu juri kemm il-Gvern jinsab maqtugħ mir-realtà u mhux jifhem id-diffikultajiet kbar tan-negozji ż-żgħar u l-SMEs, għaliex jekk mhux qed isir bejgħ m’għandhomx dħul biex jitħallsu l-pagi tal-ħaddiema, l-VAT u l-NI.

Huwa spjega li l-għajnuna li qed isemmi l-Gvern mhi għajnuna xejn meta l-għajnuna diretta se tammonta għal €175 miljun, li tal-inqas għandha tkun ta’ mhux inqas minn €700 miljun. Ivan Bartolo qal li l-Gvern jnaqqas il-kontijiet tad-dawl u l-ilma b’50% u jissospendi spejjeż oħrajn relatati direttament man-negozji. Dan meta d-deċiżjonijiet li se nieħdu llum se jiddettaw il-ħajja li se ngħixu fix-xhur li ġejjin.