Coronavirus Lokali

Il-PN se jibqa’ l-vuċi tal-ħaddiema biex ikun hemm serħan il-moħħ f’dan iż-żmien ta’ kriżi

Dak li għedtu intom bħala imsieħba soċjali b’mod mifrux jirrifletti r-reazzjoni, l-analiżi u l-proposti tagħna. Aħna xogħolna bħala Partit Nazzjonalista ma waqafx; jiena flimkien mal-Grupp Parlamentari tiegħi issa ilna ‘il fuq xahar naħdmu fl-oqsma kollha sabiex nifhmu, nagħrfu u niżnu l-ħtiġijiet immedjati. Aħna dejjem tkellimna fuq long term planning imma jeħtieġ nitħaddtu mhux biss fuq dak li l-Gvern qed jgħid li huwa s-sostenibbiltà iżda wkoll kif se noħorġu minn dan iż-żmien bl-aħjar mod. Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Adrian Delia qal dan waqt laqgħa mal-imsieħba soċjali membri fl-MCESD dwar l-imxija tal-COVID-19 f’pajjiżna.

Sa dalgħodu stess rajna minn n-naħa tal-Parlament tagħna aħniex qed nagħtu l-urġenza kollha neċessarja, wara li bħala Oppożizzjoni diġà ddikjarajna li lesti li nappoġġjaw budgets ta’ emerġenza biex ngħinu n-negozji tagħna biex għallinqas ma jgħerqux, għax jekk jegħrqu imbgħad jegħrqu l-ħaddiema, l-familji u l-ekonomija kollha tagħna. Sal-lum għadni ma smajt xejn dwar l-abbozz inizjali li l-Gvern irid iressaq fil-Parlament biex niddiskutu dak li l-Gvern qed isejjaħlu pakkett finanzjarju ta’ €1.81 Biljun, li aħna qed ngħidu li fil-verità huwa €175 million f’investiment dirett, li lanqas jibda jindirizza l-problemi akuti illi għandna. Rigward il-mekkaniżmu ta’ kif dan se jiġi implimentat minn naħa taal-Parlament għad m’għandna xejn.

Jeħtieġ nifhmu li dan il-pakkett irid l-ewwel jiġi maħdum imbgħad ippreżentat bħala abbozz, imbgħad niddiskutuh, anke biex intejbuh jekk hemm bżonn. Aħna qed noffru lill-Gvern illi naħdmu b’mod aktar veloċi u mħaffef, permezz ta’ seduti straordinarji anke jekk hemm bżonn wara l-ħinijet normali. Imma l-Gvern qisu qed jinsisti illi nibqgħu għaddejjin bil-Parlament b’mod normali u bl-aġenda normali.

Jien mhux qed nara normalità, u l-inkwiet tiegħi mhux biss dwar is-saħħa pubblika u dwar kif se nikkontrollaw il-firxa tal-virus. Irrid li nisma’ lilkom però jien illum ma nixtieqx li niġu hawn biex niskambjaw l-ideat imma biex l-ideat illi ħafna minnhom diġa naqblu bejnietna dwarhom; naraw kif nistgħu nipperswadu lill-Gvern biex jimplimentahom minnufih. Dan huwa ż-żmien għad-deċiżjonijiet u jekk ma nieħdux id-deċiżjonijiet li għandna nieħdu issa, se nsofru l-konsegwenzi illi imbgħad ikun diffiċli biex immorru lura minnhom.

Flimkien mal-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Adrian Delia matul din il-laqgħa kien hemm preżenti wkoll il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Finanzi Mario de Marco, l-Kelliema tal-Oppożizzjoni dwar l-Ekonomija, s-Servizzi Finanzjarji u l-Innovazjoni Kristy Debono u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar il-Benesseri tal-Familja, s-Solidarjetà Soċjali, l-Pensjonijiet, id-Drittijiet tat-Tfal u tat-Tarbija fil-Ġuf Claudio Grech.