Lokali

Il-Gvern iħassar laqgħa importanti mal-MCESD…u sejħilhom sagħtejn wara!

Laqgħa urġenti li kellha ssir illum fl-4pm f’Kastilja, bejn il-Gvern u l-MCESD tħassret meta diversi rappreżentanti tal-unions kienu diġa qed jistennew biex jidħlu fl-Uffiċju tal-Prim Ministru. U malli dan il-fatt sar magħruf, il-Gvern spiċċa reġa’ sejjaħ lura lill-unions għal laqgħa fis-6pm.

Rappreżentanti mill-UĦM Voice of the Workers, mill-GWU u mill-Kamra għall-Intrapriżi Żgħar u Medji stennew fir-reception ta’ Kastilja qabel ma suppost kellhom jitilgħu għal-laqgħa. Iżda ftit qabel ma kellha tibda, dawk li kienu preżenti kienu infurmati miċ-Chairman li l-laqgħa tħassret.

Fi stqarrija li ħarġet hekk kif tħassret din il-laqgħa, il-UĦM Voice of the worjers esprimiet dubji dwar ir-raġuni għalfejn tħassret laqgħa daqstant importanti u urġenti.

Fil-komunikat tagħha il-Union tistaqsi jekk din tħassritx għax forsi r-rappreżentanti tal-unions loħrajn, jiġifieri mill-Kamra tal-Kummerċ, mill-MEA u mill-MHRA kienu taħt kwarantina, jew forsi dawn kienu msejħin f’laqgħa oħra x’imkien fil-Berġa ta’ Kastilja. U jekk hu minnu, mela l-employers kellhom trattament preferenzjali.

Il-union kompliet li t-tħassir tal-laqgħa ma jawgurax tajjeb sabiex tiġi diskussa s-sitwazzjoni preżenti u limpatt tal-pakkett ta’ miżuri b’mod pożittiv jew negattiv.

Il-UĦM qalet li huwa ta’ għajb li l-ħaddiema jingħataw l-għodda bħat-teleworking iżda l-MCESD m’għandhiex l-infrastruttura biex ittella’ laqgħa onlajn. Skuża tajba biex din il-laqgħa ma ssirx waqt li l-pajjiż ikun f’lockdown!

FL-AĦĦAR ĦIN

Sadamittant jidher li l-unions tal-ħaddiema kienu msejjħa għal laqgħa f’Kastilja iktar tard. Għall-ħabta tas-6p.m. intlemħu jidħlu Kastilja l-uffiċjali tal-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM), il-UĦM Voice of the Workers, tal-General Workers’ Union (GWU), u l-Union tal-Għalliema u l-Edukaturi (MUT)