Coronavirus Sport Sport Ieħor

Ilni erba’ snin naħdem għall-Olimpjadi u ma nafx jekk bqajtx b’ċans li nikkwalifika – Yazmin Zammit Stevens, weightlifter

Uħud mill-atleti Maltin baqgħu xorta jitħarrġu normali minkejja t-tixrid tal-coronavirus. Stqarret dan, il-weightlifter lokali Yazmin Zammit Stevens f’kummenti ma’ dan is-sit. Hi qalet dan hekk kif ikkonfermat li l-Malta Weightlifting Association kienet ġeneruża biżżejjed li tat l-apparat tagħha lil dawk li għandhom fejn jitħarrġu f’darhom biex jibqgħu għaddejjin b’mod normali. B’hekk l-unika differenza f’dan il-mument hi li qed titħarreġ waħedha.

L-akbar inkwiet ta’ Zammit Stevens bħalissa hu li qed titħarreġ bla għan. “Aktar milli effett fiżiku għaliex it-taħriġ qed isir xorta, aktar qisu effett mentali għalija personalment għax ilni erba’ snin naħdem, bl-għan prinċipali hi l-parteċipazzjoni fl-Olimpjadi.” Ħafna mill-kompetizzjonijiet li Yazmin Zammit Stevens kienet qed tipprepara għalihom ġew posposti. Fost dawn hemm il-Kampjonati Ewropej, il-Kampjonati tal-Commonwealth u Kampjonat għall-Pajjiżi ż-Żgħar, bil-weightlifter tikkunsidra li għadhom fid-dlam dwar x’se jiġri għall-kumplament tas-sena.

Minħabba li l-għan tagħha din is-sena hi li tikseb kwalifikazzjoni għall-Olimpjadi, is-sitwazzjoni preżenti tpoġġi f’dubju l-parteċipazzjoni tagħha u wisq aktar l-Olimpjadi fihom infushom. “Biex inkun onesta nippreferi kieku waslu l-Olimpjadi u ma lħaqtx post minħabba l-kwalifikazzjoni. Però l-fatt li forsi seta’ kien hemm ċans u ma nafux jekk il-kompetizzjonijiet hux se jsiru, jista’ jkun ma mmorrux minħabba aspett mhux fil-kontroll tagħna.” B’hekk jista’ jkun li kważi erba’ snin xogħol jaf ifisser li taru mar-riħ.