Internazzjonali

Indja: Jingħataw il-piena massima għal omiċidju li xxokkja lill-pajjiż

Erba’ rġiel Indjani li kienu kundannati għall-istupru u omiċidju ta’ studenta, f’Delhi, fl-2012, ingħataw il-forka fil-ħabs ta’ Tihar, fil-kapitali. L-esekuzzjonijiet kienu l-ewwel f’dan il-pajjiż mill-2015, bl-aħbar li l-irġiel spiċċaw ġustizzjati tintlaqa’ b’ferħ u entużjażmu mill-folol li nġabru barra l-ħabs u fost it-tixjir tal-bnadar nazzjonali.

L-irġiel – Akshay Thakur, Vinay Sharma, Pawan Gupta u Mukesh Singh – ingħataw is-sentenza massima fl-2013 għar-reat faħxi li xxokkja lill-pajjiż kollu, fost id-dimostrazzjonijiet ta’ għadab f’numru ta’ bliet.

Il-vittma – studenta tal-fiżjoterapija – kienet mietet mill-ġrieħi li ġarrbet ftit jiem wara li spiċċat stuprata minn sitt irġiel fuq xarabank. L-inċident kien wassal biex il-pajjiż jintroduċi liġijiet ġodda għal kontra l-istupru.

Dritt wara l-attakk, il-pulizija kienu arrestaw sitt persuni – b’wieħed minnhom, Ram Singh, jinsab mejjet il-ħabs, f’Marzu tal-2013. Wara kien iddeterminat li dan l-imputat kien neħħa ħajtu b’idejh.

Akkużat ieħor dwar l-omiċidju-stupru, li kien għad għandu 17-il sena fiż-żmien meta seħħ l-attakk, inħeles fl-2015 wara li serva tliet snin ġo faċilità riformatorja. Terminu ta’ tliet snin hu l-massimu għal persuna minorenni fl-Indja.

Fl-aħħar erba’ xhur, l-erba’ irġiel ikkundannati għall-mewt kienu ressqu petizzjonijiet lill-Qorti Suprema bit-tama li s-sentenzi tagħhom jitnaqqsu għal priġunerija għal għomorhom. Madankolllu, l-Ogħla Qorti ċaħħditilhom il-petizzjonijiet, bl-irġiel ma jkollhom l-ebda rikors legali ieħor.

Kien anki miċħud appell tal-aħħar minuta – ftit sigħat qabel seħħew l-esekuzzjonijiet — biex il-pieni tal-mewt jinbidlu f’sentenzi ta’ priġunerija.

Il-Prim Ministru tal-Indja, Narendra Modi, bagħat messaġġ fuq Twitter fejn qal li saret il-ġustizzja f’dan il-każ u li l-Indja, bħala pajjiż, għandha tibni ruħha fuq ir-rispett u għarfien tad-drittijiet ugwali tan-nisa. Madankollu, u minkejja l-pubbliċità li ngħata lill-każ, ma hemm l-ebda sinjali li r-reati kontra n-nisa fl-Indja qegħdin ibattu.