Internazzjonali

IR-RENJU UNIT: Lejn xhur konsekuttivi ta’ ‘social distancing’ minħabba l-Covid-19?

Il-ħtieġa tas-social distancing – li jirrikjedi biex in-nies jiltaqgħu mill-anqas bħala gruppi fid-djar u fil-pubbliku – trid tkun rispettata ‘għal talanqas nofs is-sena’ biex it-taqsimiet għall-kura intensiva fl-isptarijiet ma jiffaċċjawx sitwazzjonijiet inkontrollabbli ta’ pazjenti morda bil-coronavirus.

Dan joħroġ mill-pariri xjentifiċi fid-dawl tas-sitwazzjoni, bis-Scientific Group for Emergencies (Sage) fir-Renju Unit jirrakkmanda biex in-nies jalternaw bejn miżuri stretti u xi ftit anqas stretti għall-parti kbira ta’ sena. Il-miżuri stretti jinkludu għeluq tal-iskejjel fir-Renju Unit u rispett għad-direttivi biex in-nies iżommu d-distanzi minn xulxin. Intant, il-miżuri anqas restrittivi mistennija jinvolvu fost oħrajn lill-familji.

L-informazzjoni ħarġet wara li l-Prim Ministru tar-Renju Unit, Boris Johnson, qal li r-Renju Unit ‘jista’ jaqleb is-sitwazzjoni tal-coronvirus għall-aħjar’ fi żmien tnax il-ġimgħa jekk jimxi mad-direttivi uffiċjali f’dawn iċ-ċirkustanzi diffiċli.

L-iskejjel fl-Ingilterra, l-Iskozja u Wales għalqu bi ftit eċċezzjonijiet u sakemm toħroġ xi direttiva ġdida.

Dan meta mal-65,000 tobba u infermiera rtirati fl-Ingilterra u Wales ġew mitluba biex jirritornaw għax-xogħol mas-Servizz tas-Saħħa (NHS) ħalli jgħinu jrażżnu din il-pandemija.