Lokali

“Kull pakkett ta’ għajnuna jkun qed jassisti lill-operaturi fl-industrija” – MBAA

Il-Malta Business Aviation Association fi stqarrija qalet li kull pakkett ta’ għajnuna li l-Gvern u l-awtoritatjiet Maltin ikun ta’ assistenza u sostenn għall-operaturi fl-industrija tal-business aviation, f’dan iż-żmien iebes, meta din l-industrija qed tiffaċċja sfidi kbar madwar id-dinja kollha.

L-MBAA qalet li se tkun fuq quddiem biex issemma’ l-vuċi tagħha u twassal dan il-messaġġ.

L-Assoċjazzjoni wegħdet li tissalvagwardja l-qligħ u l-avvanzi li għamlet din l-industrija fl-aħħar snin. Dan filwaqt li fakkret li hija tirrappreżenta l-interessi tal-akbar qasam f’din l-industrija li jikkontribbwixxi mal-€510 miljun fl-ekonomija.

Fl-istess waqt l-MBAA ħarġet lista ta’ prekawzjonijiet ġenerali u informazzjoni oħra lill-membri tagħha għal dan iż-żmien.

L-istqarrija temmet tgħid li l-qasam tal-business aviation f’Malta huwa kontributur kruċjali fil-qasam tal-avjazzjoni, qasam fraġli u li għandu jiġi ssalvagwardjat.