Coronavirus Lokali

L-iskejjel tal-Ingliż diġà bdew ikeċċu lill-impjegati

20,000 student iħassru l-korsijiet tagħhom

“Il-miżuri mħabbra mill-Gvern m’humiex biżżejjed biex jitħarsu l-impjiegi u din hija xi ħaġa li diġa qed nikkonfermawha hekk kif għadd ta’ skejjel li jgħallmu l-Ingliż diġa bdew jagħlqu u jkeċċu l-impjegati tagħhom.”

Dan saħqitu l-FELTOM, il-Federazzjoni ta’ l-Organiżżazzjonijiet li Jgħallmu l-Ingliż f’Malta fejn spjegat li taqbel bis-sħiħ mal-pożizzjoni li ħadu l-MHRA u l-Kamra Maltija tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija fejn qalu li l-miżuri mħabbra mill-Gvern ftit se jgħinu sabiex jitħarsu l-impjiegi.

Studju kkummissjonat lil Deloitte minn FELTOM wera li fl-ewwel ġimgħa ta’ Marzu dan is-settur kien diġà qed iħoss l-effett tal-krizi tal-COVID-19 fejn fil-5 ta’ Marzu mal-4,000 student ikkanċellaw il-korsijiet tagħhom u sas-16 ta’ Marzu kkanċellaw xejn inqas minn 20,000 student. Dan ifisser li f’ġimgħa ġew irreġistrati 7,500 – żieda ta’ 400%.

FELTOM spjegaw li l-impatt finanzjarju ta’ dawn il-kanċellamenti, mistenni jwassal għal telf ta’ €8.8 miljuni għall-industrija filwaqt li t-telf finanzjarju għall-ekonomija huwa stmat li se jlaħħaq għal €23.7m.

Huma saħqu li l-inkwiet ewlieni tagħhom jibqa’ l-impjegati u l-iskejjel li huma l-pilastri tas-suċċess ta’ dan is-settur, settur li dejjem wassal kontribut importanti lill-industrija tat-turiżmu u l-ekonomija ġenerali.

Dan filwaqt li appellat ukoll lill-Banek sabiex juru iżjed rispons għall-klijenti tagħhom speċjalment fid-dawl tal-fatt li l-miżuri tal-Gvern mhumiex uffiċjali u għad ma kien hemm l-ebda struzzjoni jew avviż legali lilll-banek dwar kif dawn il-miżuri għandhom ikunu applikati.