Coronavirus Lokali Saħħa

LOCKDOWN: X’għandek tagħmel jekk qiegħed id-dar

Hekk kif id-direttivi tal-awtoritajiet tas-saħħa issa huma ċari li kulħadd għandu jibqa’ ġewwa għajr għal ħruġ inevitabbli, Net News ħaseb li jiġbor xi punti biex jgħinuk fiż-żmien li se tkun qed tqatta’ d-dar.

Meta fiċ-Ċina beda jinfirex malajr il-virus Covid-19, forsi ftit basru li fi ftit ġimgħat anke l-Ewropa kienet se tkun qed issib ruħha fl-istess ilma. F’kemm ili ngħidlek, id-dinja kollha sabet ruħha ta’ taħt fuq, u tista’ tgħid kulħadd biddel l-istil tal-ħajja tiegħu mil-lejl għan-nhar, biex issa miljuni ta’ persuni madwar id-dinja qed iqattgħu il-biċċa l-kbira tal-ħin tagħhom maqfula d-dar.

Il-portal tagħna Netnews.com.mt qed jagħmel il-biċċa tiegħu billi jagħti dawn il-ftit pariri dwar kif nistgħu ngħixu aħjar dawn il-ġranet ta’ sfida.

1 Kul ikel tajjeb u nutrittiv – Minkejja li forsi qed tistokkja l-ikel għall-ġimgħat li ġejjin, dan ma jfissirx li ma tistax tiekol tajjeb. Imla l-freezer b’sopop tajbin, għamel zlazi u ffriżahom, uża dan iż-żmien biex tesperimenta b’ingredjenti li qatt ma wżajt. Ixtri oġġetti li jżommu għal tul ta’ żmien bħal peanut butter, hummus, zunnarija u patata.

2 Tibdiex dieta issa – Filwaqt li importanti li nieklu ikel nutrittiv, dan mhux iż-żmien biex tibda xi dieta ġdida. Mhemmx żmien aħjar biex taħmi xi kejk li ilek ma tagħmel jew xi ftit gallettini.

3 Tiżolax ruħek aktar milli hemm bżonn – Illum bit-tekonoloġija huwa ferm iktar faċli li tibqa’ connected. Agħeml użu tajjeb minn dawn il-mezzi; ibgħat messaġġ, jew uża apps għall video calls biex tkellem lill-ħbieb jew xi qraba li ilek ma tara. U jekk taf b’persuni vulnerabbli li m’għandhomx mezz ta’ komunikazzjoni, forsi ssajjrilhom xi ħaġa zgħira jew teħdilhom xi ħaġa li taf li jħobbu u tħallihilom barra l-bieb mingħajr ma tersaq qribhom. Tkun idea tajba wkoll li tippreparalhom lista ta’ numri tat-telefon f’każ li jkollhom emerġenza.

4 Ibqa’ attiv – L-attività fiżika hija mod ieħor li tieħu ħsieb saħtek – kemm dik fiżika kif ukoll is-saħħa mentali. Faċli tuża mezzi bħal YouTube u ssegwi rutina ta’ eżerċizzji bħall Yoga jew Pilates. U flok weights tista’ tuża oġġetti li ssib id-dar, bħal fliexken tal-ilma jew bottiijiet tal-ikel.

5 Agħti tindifa tajba – Filwaqt li tkun qed tipproteġi lilek inniffsek u lill-maħbubin tiegħek kontra t-tixrid tal-mikrobi, hu ppruvat li meta tnaddaf tħossok aħjar anke psikoloġikament.

6. Mur onlajn – imma ATTENT! – Din hija l-ewwel pandemija lil laqtet lid-dinja kemm ilna konnessi diġitalment – li hija ħaġa tajba, għax in-nuqqas ta’ kuntatt fiżiku jinħass ftit inqas meta wieħed jista’ xorta jikkomunika b’dan il-mod. Madankollu l-internet jista’ jkun ukoll sors ta’ misinformazzjoni. Għalhekk filwaqt li tuża l-internet, ħu ħsieb li tfittex informazzjoni dejjem minn fuq siti ta’ reputazzjoni tajba.

7 Pjana d-divertiment tiegħek – Naturalment f’dawn iż-żminijiet wieħed forsi jfittex aktar it-televiżjoni. Tajjeb li wieħed isegwi l-aħbarijiet, iżda ħu ħsieb li tara taħlita ta’ programmi bbilanċjati. Tista tibda dak is-series tajjeb li forsi ilek biex tibda żmien twil, jew iddur għall-kotba li għandek fuq l-ixkaffa jistennewk. Jekk għandek xi jigsaw puzzle li ilha merfugħa jew xi hobby antik li kellek, erġa fittex fil-kaxxi u erġa skopri passjonijiet antiki.

8 Tiddejjaqx titlob l-għajnuna – Dan mhuwiex żmien normali, u jista jiskattaw ħsibijiet koroh ferm aktar milli soltu jkollok. It-terapija llum hi disponibbli f’ħafna modi – anke onlajn permezz ta’ video chats. Tiddejjaqx titlob l-għajnuna.

9 Aħdem mid-dar… imma kif suppost – Ħafna jaħsbu li taħdem mid-dar hi ħaġa faċli, u għalkemm fl-ewwel ftit ġranet tista tħossok tajjeb, jekk ma toqgħodx attent tista tidħol f’vizzji koroh. Għalhekk agħmel sforz. Żomm rutina. Biddel mill-ħwejjeġ ta’ ġewwa għal xi ħaġa aktar pulita, agħmel xagħrek, daqs li kieku se tmur l-uffiċju jew il-post tax-xogħol tiegħek. Ieqaf għall-break bħal ma tagħmel is-soltu. U fittex kuntatt ma’ persuni oħra (onlajn jekk hemm bżonn), sabiex iżomm ukoll l-element tal-kuntatt man-nies.

10 Żomm iġjene tajba u ibqa’ f’saħħtek – Bħalissa ninsabu bbumbardjati b’messaġġi biex naħslu jdejna, ma mmissux wiċċna, ma mmissux pumi, buttuni, u ħafna affarijiet oħra. Dan kollu sabiex nevitaw li nimiridu. U għalkemm mhemmx għalfejn niffissaw iżżejjed, importanti li nżommu livell ta’ iġjene tajba. Imma temminx kull ma taqra jew jitlagħlek fuq il-media soċjali. Fittex informazzjoni minn sorsi ta’ min jorbot fuqhom.

Mill-bqija kun ġentili miegħek inniffsek, u uża dan iż-żmien biex tixtarr il-prioritajiet tiegħek. Kull deni ħudu b’ġid jgħid il-Malti, u dan iż-żmien fejn naqra ta’ virus donnu għafsilna l-pedala tal-brake f’ħajjitna, jista’ jkun żmien li jbiddlilna d-direzzjoni ta’ ħajjitna b’mod pożittiv. Dan jekk inkunu kapaċi nutilizzaw tajjeb il-ħin li għandna biex niskopru eżatt l-iskop tal-ħajja tagħna, u fejn irridu naslu fix-xhur u s-snin li ġejjin.