Coronavirus Sport Sport Ieħor

Pospost il-Kampjonat tad-Dinja tas-Snooker fi Crucible Theatre

Il-Kampjonat tad-Dinja tas-Snooker ġie pospost minħabba l-pandemija tal-coronavirus. Judd Trump kien mistenni jiddefendi t-tournament li rebaħ is-sena l-oħra bejn it-18 ta’ April u l-4 ta’ Mejju. L-organizzaturi jittamaw li dan it-tournament isir f’Lulju jew Awwissu. L-aktar tournament mistenni f’dan l-isport hu s-sbatax u l-aħħar ranking tournament tal-istaġun. Fl-aħħar 43 sena dejjem sar fi Crucible f’Sheffield b’mod konsekuttiv.

Iċ-chairman tal-World Snooker Tour Barry Hearn qal li dawn huma żminijiet diffiċli għal kulħadd iżda saħaq li jinsabu determinati li jgħaddu minnhom. “Il-partitarji madwar id-dinja kif ukoll il-144 plejer involut, jinsabu anzjużi biex ikunu jafu meta l-Kampjonat tad-Dinja se jsir. Nista’ nassigura lil kulħadd li qed nagħmlu minn kollox flimkien ma’ dawk kollha assoċjati biex nikkonfermaw id-dati l-ġodda kemm jista’ jkun malajr.”

It-Tlieta li għadda, it-Tour Championship f’Llandudno li skedat bejn is-17 u t-22 ta’ Marzu, ġie pospost għal bejn il-21 u s-26 ta’ Lulju. Il-Ħadd li għadda, Judd Trump sar l-ewwel plejer li rebaħ sitt titli ranking fi staġun wieħed bir-rebħ tal-Open ta’ Ġibiltà.