Knisja Lokali

Se jitħassru l-manifestazzjonijiet pubbliċi tal-Ġimgħa Mqaddsa

Il-Knisja f’Malta se tħassar il-manifestazzjonijiet pubbliċi ta’ Jum id-Duluri u dawk tal-Ġimgħa Mqaddsa, inkluż tal-Ġimgħa l-Kbira u tal-Għid il-Kbir.

NET News jinsab infurmat li d-deċiżjoni diġà ġiet imħabbra lill-Kappillani u l-Arċiprieti tal-Parroċċi kollha f’Malta u f’Għawdex, fid-dawl tal-prevenzjonijiet meħtieġa biex ma jibqax jinxtered il-Coronavirus.

Id-deċiżjoni tal-Knisja f’Malta s’issa għadha ma tħabbritx b’mod uffiċjali, għalkemm il-Mexxejja Spiritwali ta’ pajjiżna qed jappellaw lill-Parroċċi biex ma tittieħed l-ebda inizjattiva jekk mhux dawk ikkomunikati.

Dwar kif dawn il-jiem qaddisa għall-Insara se jkunu ċċelebrati f’pajjiżna, il-Kappillani u l-Arċiprieti mistennija jirċievu komunikat ieħor fil-jiem li ġejjin.