Coronavirus Lokali

Spiżerija ffumigata wara li ħaddiem ittestja pożittiv għall-Covid-19

Spiżerija f’Ħal Balzan ilbieraħ għalqet il-bibien tagħha sabiex tkun iffumigata b’mod professjonali kontra l-virus Covid-19 wara li ħaddiem ittestja pożittiv.

Permezz ta’ post fuq Facebook, ħaddiema fl-istess spiżerija avżat lill-klijenti li huma kellhom iżommu l-bibien magħluqa il-Ħamis u l-Ġimgħa biex issir il-fumigazzjoni neċessarji biex ikun żgurat li l-ispiżerija terġa tkun sigura għall-ħaddiema u l-klijenti li jidħlu fiha.

L-ispiżerija kienet diġa ħadet prekawzjonijiet oħra qabel ma saret il-fumigazzjoni, inkluż iż-żamma ta’ distanza bejn klijent u ieħor, screens tal-perspex, it-tneħħija ta’ oġġetti żejda minn fuq il-bank u t-tindif frekwenti tal-uċuh tal-bankijiet bl-alkoħol.

Fil-post, kien avżat li l-ispiżerija se terġa tiftaħ il-bibien tagħha għada s-Sibt filwaqt li ntalbet skuża tal-inkonvenjent.