Coronavirus Ekonomija Internazzjonali

Sussidji fuq il-pagi fir-Renju Unit

Aktar tard illum il-Kanċillier tal-Exchequer Ingliż, Rishi Sunak, mistenni jħabbar pakkett ieħor ta’ sussidji mill-Gvern, din id-darba sussidji fuq il-pagi u l-impjiegi.

Dan wara li ftit tal-jiem ilu il-Gvern tar-Renju Unit ħabbar pakkett ieħor ta 330 biljun Lira Sterlina f’self, 20 biljun Lira Sterlina f’għajnuna oħra, u grants għall-ħwienet u l-pubs.

Taħditiet dwar is-sussidji ġodda fuq il-pagi baqgħu għaddejjin tul il-lejl kollu. Id-diskussjonijiet saru bejn gruppi tan-negozju, unions u rappreżentanti tal-Gvern. L-imsieħba soċjali ħeġġew lill-Gvern sabiex jgħin jitħallsu l-pagi.

Ħafna ditti qed iwissu dwar kollass hekk kif eluf ta’ impjiegi diġa intilfu.

Esperti ekonomiċi qalu li l-partijiet kollha kienu magħquda fis-sejħa tagħhom favur skema li tgħin lill-ħaddiema f’dan iż-żmien fejn l-ekonomija tinsab wieqfa.

Diversi gvernijiet oħra madwar id-dinja qed iħejju miżuri li joffru sussidji fuq il-pagi sabiex kemm jista’ jkun jiġu evitati aktar sensji f’pajjiżhom.