Il-fjamma Olimpika waslet fil-Ġappun f’ċerimonja kwieta, u pjuttost differenti minn dak ippjanat, minħabba t-tixrid tal-coronavirus. Kawża tal-Covid-19, intefa’ dubju dwar jekk dawn l-Olimpjadi hux se jsiru jew le. Il-fjamma waslet b’titjira speċjali li niżlet fil-bażi militari ta’ Matsushima, li tinsab fil-provinċja ta’ Miyagi. Dan il-post ġie magħżul apposta biex juri kif ir-reġjun irkupra wara li fl-2011 sofra minn terremot u tsunami.
L-eks atleti Olimpiċi Saori Yoshida u Tadahiro Nomura niżlu bil-fjamma mill-ajruplan u għaddew minn gwardja tal-unur quddiem numru żgħir ta’ mistednin. Dan wara li madwar 200 tifel u tifla nżammu ‘l bogħod minn din l-attività. L-organizzaturi qed isejħulha bħala deċiżjoni ta’ qsim il-qalb, iżda meħtieġa minħabba l-coronavirus, li sa issa ħalla madwar 10,000 vittma. F’kummenti mal-media, il-President tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali Thomas Bach qal li qed jikkunsidraw diversi xenarji iżda li l-Olimpjadi jkunu kkanċellati mhux għażla minnhom.
//= $special ?>