Coronavirus Lokali Saħħa

Tobba tal-familja inkwetati… nuqqas ta’ ilbies protettiv għalihom


Hekk kif issa l-imxijja tal-COVID-19 daħlet sew f’pajjiżna, b’aktar minn 60 persuna nfettata u n-numru mistenni li jikber fil-ġranet li ġejjin, it-tobba tal-familja huma nkwetati mhux ftit minħabba nuqqas ta’ ilbies protettiv disponibbli għalihom.

Tobba li tkellmu ma’ Net News spjegaw li huma, huma l-ewwel nies li jiltaqgħu mal-pazjent. L-effetti tal-coronavirus jibdew simili għal dawk ta’ influwenza jew riħ normali, għalhekk it-tobba jinsabu f’riskju kbir ladarba jkunu qed jinvistaw lill-pazjent. 

Huma lmentaw li l-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne, filwaqt li fil-midja ilu żmien jgħid li Malta għandha biżżejjed ilbies protettiv għan-nies li qed jaffrontaw din il-kriżi, jidher li jew mhux konxju ta’ din il-problema jew inkella mhux qed jgħid il-veritá kollha.

It-tobba spjegaw kif huwa fatt magħruf li l-ilbies protettiv magħruf b’mod tekniku bħala PPE (Personal Protective Equipment) huwa skars madwar id-dinja kollha minħabba d-domanda kbira għalih hekk kif issa l-pandemija imxiet b’mod mgħaġġel ħafna. 

Madankollu t-tobba tal-kura primarja għandhom bżonn dan l-ilbies biex ikunu jistgħu iwettqu x-xogħol tagħhom. Jidher ċar li l-prioritá qed tingħata lill-persuni li jaħdmu fl-isptarijiet, madankollu dawn it-tobba huma fl-ewwel filliera ta’ din il-ġlieda kontra dan il-virus. 

Fl-Italja kien hemm numru ta’ tobba li tilfu ħajjithom minħabba dan, u ħafna minnhom kienu tobba tal-kura primarja u wisq probabli laqtu l-virus direttament mingħand il-pazjenti fl-ewwel viżta tagħhom. 

It-tobba Maltin għalhekk huma mħassba b’din is-sitwazzjoni u qed jittamaw li tinstab soluzzjoni għaliha billi jingħataw minnufih dan l-ilbies kruċjali. Dawn it-tobba saħqu li jekk dan ma jkunx il-każ, allura, b’mod awtomatiku se nkunu qed nikkumplikaw is-sitwazzjoni u tintefa’ ħafna aktar pressjoni fuq is-servizz tas-saħħa fl-isptar Mater Dei.

L-istqarrija tat-tobba tkompli fuq dak tal-MUMN li ftit tal-jiem ilu lmentaw dwar in-nuqqas ta’ PPEs għall-infermiera f’Mater Dei u sptarijiet oħra f’Malta u Għawdex.