Lokali

“Bżonn ta’ miżuri effettivi biex insaħħu l-midja u lill-ġurnalisti kollha waqt COVID-19”

“Fi żmien meta n-nies qegħdin kontinwament ifittxu l-informazzjoni dwar il-Coronavirus, il-miżuri għall-informazzjoni li qiegħed jieħu waħdu l-Gvern mhumiex biżżejjed. Il-Gvern għandu minnfih jieħu miżuri iżjed konkreti biex jirrikonoxxi lill-Kmamar tal-Aħbarijiet u ġurnalisti kollha bħala imsieħba ferm importanti fil-ġlieda kontra l-imxija tal-COVID-19 f’pajjiżna.”

Hekk qalet il-Kelliema tal-Oppożizzjoni dwar il-Midja Therese Comodini Cachia waqt konferenza tal-aħbarijiet flimkien mal-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Impiegi Karl Gouder u mid-Deputat Nazzjonalista David Thake.

Therese Comodini Cachia qalet li hawn bżonn ta’ parteċipazzjoni sħiħa tal-Kmamar tal-Aħbarijiet u l-ġurnalisti kollha sabiex niġġieldu mhux biss il-COVID-19 iżda wkoll l-aħbarijiet foloz u informazzjoni skorretta li qegħda fil-pubbliku speċjalment fuq il-pjattaformi diġitali. Hija qalet li l-Gvern għandu jirrikonoxxi li f’din il-kriżi ekonomika il-midja qed tkompli tieħu daqqa ta’ ħarta kbira minħabba n-nuqqas ta’ dħul u għalhekk għandu jsostni l-finanzjament tal-midja, biex jiġi ssalvagwardat ir-raba’ pilastru tad-demokrazija.

Il-Partit Nazzjonalista għalhekk qed jipproponi li l-Gvern għandu jistabbilixxi fond li jkun allokat lis-Sovrintendenza tas-Saħħa Pubblika biex minn dan il-fond jiġu ffinanzjati dawn il-proġetti:

Nindirizzaw aħbarijiet foloz:

  • Jitwaqqaf tim ta’ ġurnalisti mill-Kmamar tal-Aħbarijiet indipendenti li l-għan tiegħu huwa li jwettaq fact checking tal-informazzjoni dwar il-COVID-19.
  • Proġetti li jiġu varati minn siti diġitali tal-aħbarijiet bil-ħsieb li jqajmu aktar għarfien dwar il-COVID-19.
  • Sistema ta’ messaġġi (message information system) li biha jistgħu jintbgħatu messaġġi dwar l-żviluppi fil-ġlieda kontra l-COVID-19.
  • Jinċentiva lill-artisti u online influencers sabiex jippromwovu bil-metodi tagħhom informazzjoni korretta fuq pjattaformi digitali.
  • Ivara filmati edukattivi mmirati lejn it-tfal u żgħażagħ li għadhom fl-edukazzjoni sabiex iqajjem għarfien dwar kif huma jistgħu jidentifikaw aħbarijiet foloz u informazzjoni skorretta relatata mal-COVID-19.

Insostnu l-impjiegi tal-ġurnalisti u nsaħħu l-Kmamar tal-Aħbarijiet

  • Il-Gvern għandu jikkunsidra bis-serjetà l-proposti li sitt kmamar tal-aħbarijiet diġà resqu lil-Prim Ministru fosthom li jingħataw eżenzjoni mit-taxxa jew almenu ikun hemm tnaqqis fit-taxxa, u fi żmien qasir il-Prim Ministru jindika l-pożizzjoni tal-Gvern dwar dan.
  • Il-Gvern għandu jikkontribwixxi lejn is-salarji tal-ġurnalisti li xogħolhom f’dawn iz-żminijiet qiegħed jiffoka primarjament fuq il-kriżi bl-imxija tal-COVID-19.
  • Jiffaċilità t-twettiq ta’ aktar infrastruttura diġitali għal pjattaformi tal-aħbarijiet.

Aċċess għall-informazzjoni fl-iqsar żmien possibli

  • Jistabbilixxi mezz ta’ komunikazzjoni diġitali bejn l-Awtoritajiet u l-Kmamar tal-Aħbarijiet sabiex ikun hemm punt ta’ referenza diretta;
  • Jiffinanzja kampanja edukattiva oġġettiva dwar il-COVID-19 fuq il-pjattaformi diġitali tal-aħbarijiet kollha;
  • Joħloq database bl-informazzjoni kollha li l-Gvern għandu dwar il-COVID-19 u jagħti lill-ġurnalisti aċċess liberu.

David Thake qal li s-sitwazzjoni tal-Kmamar tal-Aħbarijiet hija waħda partikolari, għaliex bħala kumpaniji raw id-dħul tagħhom letteralment jikkrolla minħabba li jiddependu mir-reklamar u l-klijenti, li huma n-negozji, għaddejjin minn sitwazzjoni ħażina huma wkoll minħabba l-imxija tal-COVID-19. Huwa qal li l-Gvern għandu jikkunsidra t-talba li saritlu mill-Kmamar tal-Aħbarijiet għall-eżenzjonijiet filwaqt li jagħti għajnuna diretta lejn is-salarji tal-ġurnalisti, li għandhom xogħol importanti u issa iktar mis-soltu meta n-nies qegħdin joqogħdu d-dar u għandhom bżonn li taslilhom l-informazzjoni korretta.

Karl Gouder qal li l-aċċess għall-informazzjoni korretta fl-inqas żmien possibbli huwa ferm importanti meta l-imxija tal-COVID-19 qed tbiddel is-soċjetà u l-ekonomija tagħna. Huwa qal li llum huwa importanti ferm l-aċċess għall-mezzi soċjali meta persuni joqogħdu jaħdmu mid-djar tagħhom, iżda sfortunatament ukoll fuq il-mezzi soċjali timxi iżjed malajr informazzjoni skorretta jew li ma tkun preċiża u għalhekk huwa fundamentali l-irwol tal-ġurnalisti. Dan meta qegħdin ngħixu fi żminijiet ferm diffiċli, huwa importanti li l-ġurnalisti jkollhom l-informazzjoni fattwali fl-inqas ħin possibbli.