Lokali

Il-PBS spiċċa għodda politika partiġġjana f’idejn il-Gvern ta’ Robert Abela – PN

Il-Partit Nazzjonalista llum bagħat ilment ieħor lil Reno Bugeja dwar il-programm Xarabank u li xxandar ilbieraħ filgħaxija. Għal dan il-programm kienu mistiedna u pparteċipaw il-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar Silvio Schembri u l-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici.

Fl-ebda parti tal-programm ma ngħata spazju lil xi rappreżentant tal-Partit Nazzjonalista bħala l-Oppożizzjoni ta’ pajjiżna sabiex iwassal il-pożizzjoni u l-kritika tiegħu dwar id-deċiżjonijiet u n-nuqqas ta’ azzjoni mill-Gvern dwar l-imxija tal-Coronavirus (COVID-19) f’pajjiżna.

Dan hu t-tielet programm Xarabank li għalih kienu mistiedna biss rappreżentanti tal-Gvern u ħadd biex jirrappreżenta u jwassal il-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista.

Il-Partit Nazzjonalista permezz ta’ stqarrija fakkar li skont il-Kostituzzjoni u l-Att dwar ix-Xandir, l-istazzjon nazzjonali huwa obbligat jiżgura mpazjalità dwar kull ħaġa li hija kontroversarja politika korrenti u li faċilitajiet u ħin ta’ xandir ikunu maqsuma b’mod xieraq bejn persuni li jkunu ta’ partiti politiċi differenti.

Għalhekk l-aġir tal-PBS ħoloq żbilanċ fix-xandir u huwa konferma ta’ kemm l-istazzjon nazzjonali spiċċa għodda politika partiġġjana f’idejn il-Gvern ta’ Robert Abela.

Il-Partit Nazzjonalista qiegħed jinsisti li TVM għandu jagħtih rimedju effettiv biex jagħmel tajjeb għall-iżbilanċ li nħoloq waqt iż-żewġ programmi ta’ Xarbank u f’każ li dan ma jseħħx ser ikun qiegħed jipproċedi quddiem l-Awtorità tax-Xandir.