Coronavirus Lokali Saħħa

“Irridu nsalvaw l-għixien tal-ħaddiema b’għajnuna serja u diretta” – Adrian Delia

Fid-dawl tal-pakkett fqir li ħareġ il-Gvern, il-PN se jibqa’ jressaq il-proposti tiegħu biex nassiguraw sapport lil min iħaddem u jiġu sostnuti l-impjiegi

“L-għajnuna li qed jgħid li se jagħti l-Gvern mhix biżżejjed biex inserħu ras il-ħaddiema u nagħti sapport lil min iħaddem. Mhux minnu li l-Gvern se joħroġ €1.8 biljun iżda l-massimu f’għanjuna diretta li se joħroġ mhu xejn iżjed minn €175 miljun, u wara l-ftaħir bis-surplus mhux lest li juża l-ġid li ħolqu n-negozji u l haddiema stess biex jgħinhom f’dan iż-żmien ta’ diffikultajiet li jinsabu fih. Għalhekk aħna se nibqgħu noħorġu bil-proposti konkreti biex b’mod effettiv niggarantixxu l-għixien tal-ħaddiema u nsostnu n-negozji u l-ekonomija.”, hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta kien intervistat fuq NET FM.

Adrian Delia qal li dak li kellu jkun mini-budget tal-Gvern mhux biżżejjed u huwa ferm ‘il bogħod minn dak meħtieġ biex nevitaw it-telf tal-impjiegi u nagħtu s-sapport meħtieġ lil min iħaddem waqt dawn iż-żminijiet diffiċli bl-imxija tal-COVID-19 f’pajjiżna. Huwa qal li mhux minnu li l-Gvern se joħroġ €1.8 biljun bħala għajnuna iżda l-massimu li se joħroġ f’għajnuna diretta għall-ekonomija se tkun €175 miljun, inqas minn 10% ta’ dak li ntqal. Il-bqija €700 miljun u €900 miljun jew 88% mis-somma li semma’ l-Gvern huma biss tax deferrals u bank guarantees sa 20%. Dr Delia qal li fl-iktar żmien li hawn bżonn għajnuna lis-settur mediku, l-Gvern se jagħti €35 miljun, meta lil Steward din is-sena se jagħtihom €70 miljun f’serqa mill-flus tal-poplu.

Il-Gvern se jagħti lil min iħaddem €320 minn paga ta’ €800 fix-xahar li mhix biżżejjed biex jgħin b’serjetà, bħalma hemm bżonn iżjed mis-€16 miljun li se jingħataw lill-familji u mhux se ssolvi l-problema tan-negozji l-moratorju ta’ tliet xhur, li għandu jkun minn tal-inqas sitt xhur. Dak li ppreżenta l-Gvern mhux biżżejjed u dan sostnew ukoll l-imsieħba soċjali u l-unjins.

Adrian Delia qal li hawn bżonn ta’ azzjoni immedjata għax in-negozji qed jintlaqtu mill-problemi tal-cash flow u jekk mhix se tingħata l-għajnuna lill-intrapriżi, n-negozji u l-ħaddiema mhux biss se jintilef id-dħul ta’ min iħaddem iżda se tiżdied ukoll in-nefqa fuq il-benefiċċji soċjali jekk jiżdiedu s-sensji. Huwa qal li In-negozji jeħtieġ li jkollhom l-ossiġenu meħtieġ biex jibqgħu jaħdmu u mhux iġorru l-piż waħedhom.

Għalhekk ressaqna proposti li jinkludu li:
1. Il-quarantine leave għandha titħallas kollha mill-Gvern.
2. Il-Gvern għandu jagħmel tajjeb għal 50% tas-salarji, li jiġu capped wara li jkun hemm konsultazzjoni mal-Korpi Kostitwiti, ħalli b’hekk nassiguraw li ma jkunx hawn sensji bżonn. 3. Il-Gvern għandu jidħol hu mas-settur bankarju, illi diġà nafu li teżisti likwidità kbira fil-banek tagħna, li naslu għal arranġament biex jiġu posposti l-ħlasijiet fuq il-faċilitajiet tas-self.
4. Fl-istess ħin jinħoloq pakkett ta’ self ġdid għal min jeħtieġlu, fejn il-Gvern jagħmel tajjeb bħala garanzija ħalli b’hekk l-ewwel sitt xhur ikun hemm moratorju tal-ħlas, u r-rati tal-imgħax ikunu l-inqas possibbli.

Adrian Delia qal li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jkun il-vuċi tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin biex ikun hemm serħan il-moħħ f’dan iż-żmien ta’ kriżi u għalhekk sejjaħ għal laqgħa oħra mal-imsieħba soċjali biex jiġi deċiż x’miżuri jridu jidħlu fis-seħħ minnufih biex ma jkollniex iżjed telfien ta’ impjiegi u s-sapport meħtieġ lill min iħaddem.

Adroam Delia qal li matul dawn l-aħħar ġranet smajna dikjarazzjonijiet surreali min-naħa tal-Gvern, li jpoġġu lill-ħaddiema kontra min iħaddem, meta qed jagħti x’jifhem li min iħaddem jaħżen il-profitti x’imkien minflok jużahom għall-ħaddiema. Kummenti dilettanteski min-naħa tal-Ministru Silvio Schembri li ma jurux li d-diffikultajiet tal-ħaddiema u l-familji tagħhom se jiġu indirizzati b’serjetà. Huwa qal li issa m’għadux aktar iż-żmien tal-ftaħir bis-surplus iżda huwa ż-żmien li l-ġid li nħoloq jitqassam biex ngħaddu bl-aħjar mod minn dan iż-żmien.

Adrian Delia qal li l-ħaddiema u min iħaddem jeħtieġilhom miżuri ferm iżjed ambizzjużi minn dawn imressqa mill-Gvern, biex itaffu t-tbatijiet fl-immedjat imma li jaħsbu wkoll fit-tul u għalhekk il-Partit Nazzjonalista matul dawn il-ġranet kien proattiva u ressqet proposti konkreti. Dan għaliex id-deċiżjonijiet li se nkun qegħdin nagħmlu llum se jaffetwaw b’mod dirett l-għajxien tagħna matul ix-xhur li ġejjin. Il-Partit Nazzjonalista mal-ewwel ħareġ bi proposti li jindirizzaw lis-settur turistiku għax kien qed jidher ċar li dan kien se jkun l-ewwel settur li jintlaqat malajr, u meta din l-industrija qed titlef €10 miljun fil-ġimgħa.

Il-Kap tal-PN Adrian Delia qal li l-Oppożizzjoni diġà qalet li lesta tgħin miżuri serji biex lil min hu dgħajjef ngħinuh u lil min iħaddem nagħtuh is-sapport biex noħorġu minn dawn iż-żmien u flimkien negħlbu din l-isfida tal-imxija tal-COVID-19. Dan meta m’aħniex waqt elezzjoni ġenerali nikkompetu ma’ xulxin iżda fi sfida nazzjonali li nistgħu negħlbu biss jekk naħdmu flimkien.

Huwa qal li għadna ma smajna xejn dwar l-abbozz inizjali li l-Gvern irid iressaq fil-Parlament biex jigi diskuss dak li hu qed isejjaħlu pakkett finanzjarju u intant l-istazzjon nazzjonali spiċċa għodda politika partiġġjana f’idejn il-Gvern, bil-programm Xarabank jistieden biss rappreżentanti tal-Gvern u ħadd mill-Partit Nazzjonalista. Adrian Delia qal li aktar minn qatt qabel irridu verament naġixxu bħala poplu wieħed, nazzjon wieħed. Il-poplu tagħna dejjem wera kif magħqudin, bil-kuraġġ u bid-determinazzjoni negħlbu l-isfidi kollha.